Dieta tajba għas-saħħa hija l-ammont u l-varjetà t-tajbin ta’ ikel differenti li jipprovdi l-kaloriji (enerġija) u n-nutrijenti kollha sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet partikolari ta’ ġismek. Dan jippermettilu jikber u jiżviluppa normali matul it-tfulija, u jżomm funzjoni normali fl-età adulta, sabiex tintlaħaq anzjanità b’inqas mard u diżabilità.
L-ammont u l-varjetà xierqa tal-ikel u x-xorb ivarjaw minn persuna għal oħra skont l-età, il-ġisem, id-daqs tal-ġisem u l-istil tal-ħajja. Filwaqt li ċerti nies għandhom ħtiġijiet mhux tas-soltu, bħall-atleti jew persuni b’ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa, għal ħafna minna l-bilanċ xieraq ta’ ikel u xorb differenti huwa kemxejn simili.
Hemm modi differenti kif jinkiseb bilanċ fid-dieta. Dan jista’ jintwera b’bosta modi skont id-drawwiet tad-dieta f’pajjiżi differenti.
Dieta tajba għas-saħħa hija magħmula primarjament minn ikel li ġej mill-pjanti, b’ħafna ħxejjex u frott, xi żrieragħ bl-imżiewed (legumi) bħal fażola u piżelli, u ħobż tal-qamħa sħiħa (“wholegrain”) u ikel lamtuż ieħor bħall-għaġin u r-ross (ara eżempju fil-Figura 1). Barra minn hekk, jistgħu jiddaħħlu ammonti modesti ta’ laħam dgħif, pollam jew ħut, u prodotti tal-ħalib b’inqas xaħam, jew alternattivi veġetarjani. Importanti li jiddaħħal ikel ieħor f’ammonti modesti għal dieta tajba għas-saħħa, bħal xi żjut veġetali (eż. żejt taż-żebbuġa u żejt tal-kolza), u ġewż u żerriegħa. Ftit li xejn hemm bżonn li żżid melħ. Biex tevita milli żżid il-piż, ikel b’ħafna kaloriji bħall-ħelu tad-dulċier, kejkijiet u tnaqqir ma għandhomx jittieklu spiss jew f’ammonti kbar. Aħjar tevita l-alkoħol għal kollox biex tipprevjeni l-kanċer. Prodotti kummerċjali ferm ipproċessati li huma rikki f’xaħmijiet u zokkrijiet tal-annimali (bħal “fast foods” u xorb zokkri) għandhom jiġu evitati kemm jista’ jkun.
Figura 1: Eżempju ta’ platt sustanzjuż
Sors: © peanutpie - iStockphoto.com.
Minbarra l-varjetà t-tajba ta’ ikel, importanti li tiekol l-ammont it-tajjeb ta’ ikel – dan l-aħjar li tagħmlu billi tiċċekkja l-piż tiegħek kull ġimgħa (jew iċ-ċirkonferenza tal-qadd kultant żmien, pereżempju darba fix-xahar.