12-IL MOD BIEX TNAQQAS IR-RISKJU LI JAQBDEK IL-KANĊER

Tipjip passiv

icon-tobacco Żomm darek ħielsa mid-dħaħen tas-sigaretti. Appoġġja l-politika favur ambjent bla tipjip fuq il-post tax-xogħol tiegħek.

L-esponiment għat-tipjip passiv fuq ix-xogħol u d-dar huwa assoċjat ma’ mard evitabbli, inkluż il-kanċer. Fil-Figura 1 tingħata ħarsa ġenerali lejn l-effetti dannużi għas-saħħa kkaġunati mill-użu tat-tabakk u t-teħid man-nifs tat-tipjip passiv.

Id-dar tista’ tkun spiss post ta’ esponiment għat-tipjip passiv. Madwar l-Ewropa, hemm differenzi fl-adozzjoni tal-projbizzjonijiet tat-tipjip fid-djar, bil-prevalenza ta’ djar fejn ħadd ma jista’ jpejjep li varjaw bejn 31% għal iktar minn 90% madwar il-pajjiżi. Il-protezzjoni ikbar mit-tipjip passiv hija ferm mixtieqa u tista’ tinkiseb minn dawk li jpejpu u dawk li ma jpejpux li jipprojbixxu t-tipjip fi djarhom u fil-karozzi tagħhom.

F’pajjiżi fl-Ewropa fejn it-tipjip fuq il-post tax-xogħol għadu permess, l-adozzjoni ta’ politiki komprensivi ta’ projbizzjoni tat-tipjip, kif spjegat fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), hija l-aħjar għażla biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha li jaħdmu jkunu protetti indaqs u bis-sħiħ mit-tipjip passiv. Ir-Rakkomandazzjoni tal- Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip, ibbażata fuq l-Artikolu 8 tal-FCTC tad-WHO, talbet li l-Istati Membri jimplimentaw il-kunċett ta’ ambjenti bla tipjip f’postijiet pubbliċi fuq ġewwa u fuq ix-xogħol u fit-trasport pubbliku. Il-livell ta’ komprensività u infurzar ta’ dawk il-projbizzjonijiet ivarja bejn pajjiż u ieħor.

Figura 1: Il-konsegwenzi fuq is-saħħa b’rabta kawżali mal-użu tat-tabakk u t-teħid man-nifs tat-tipjip passiv.

consequences-tobacco-second-hand-smoke

Sors: Adattata minn The Health Consequences of Smoking – 50 Years of Progress: A Report of the Surgeon General. Atlanta, GA: U.S. Department of Health and Human Services, Centers for Disease Control and Prevention, National Center for Chronic Disease Prevention and Health Promotion, Office on Smoking and Health, 2014, bil-permess mingħand il-U.S. Department of Health and Human Services.