“Laħam aħmar” jirreferi għal laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tal-ħaruf u tal-mogħoż minn annimali domestikati, inkluż dak li jinsab f’ikel ipproċessat u f’ħafna mill-bergers taċ-ċanga. Ma jinkludix pollam jew annimali tal-kaċċa, jew il-ġewwieni (madankollu, l-impatt tal-konsum tal-ġewwieni u tal-annimali tal-kaċċa fuq ir-riskju tal-kanċer mhuwiex magħruf). Għad li ikliet spissi ta’ laħam aħmar iżidu l-probabbiltà li wieħed jiżviluppa l-kanċer tal-musrana, il-laħam aħmar huwa sors tajjeb ta’ bosta nutrijenti wkoll. Bħala gwida, huwa rakkomandat li wieħed jevita milli jiekol iktar minn madwar 500 gramma laħam aħmar fil-ġimgħa (500 gramma piż imsajjar, li huwa madwar 700–750 gramma qabel it-tisjir, skont il-qatgħa u kif inhi msajra).
“Laħam ipproċessat” jirreferi għal laħam ippreservat bl-affumikar, it-tnixxif, l-għoti tal-melħ jew iż-żieda ta’ preservattivi kimiċi. Dan jinkludi, pereżempju, perżut, bejken, salami u ċertu zalzett bħall-frankfurters. Peress li l-konsum tal-laħam ipproċessat għandu anki rabta pożittiva mar-riskju ta’ kanċer tal-musrana, anki f’ammonti iżgħar, u ma joffri ebda benefiċċju nutrizzjonali addizzjonali fuq il-laħam aħmar, huwa rakkomandat li tevita l-laħam ipproċessat kemm jista’ jkun, biex tnaqqas ir-riskju tal-kanċer.