12-IL MOD BIEX TNAQQAS IR-RISKJU LI JAQBDEK IL-KANĊER
Skrinjar
Ħu sehem fi programmi organizzati għall-iskrinjargħall-kanċer fosthom:
- Kanċer tal-musrana (irġiel u nisa)
- Kanċer tas-sider (nisa)
- Kanċer tal-għonq tal-utru (nisa).
Ċerti tipi ta’ kanċer jistgħu jinstabu u jiġu ttrattati qabel ma jikkaġunaw is-sintomi. Il-kontroll għall-kanċer, jew għal kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-kanċer, f’nies li ma għandhom ebda sintomu jissejjaħ skrinjar. L-għan ewlieni tal-iskrinjar għall-kanċer huwa li jiġu evitati mwiet minħabba l-kanċer. L-iskrinjar jagħmilha possibbli wkoll li jintużaw metodi ta’ trattament inqas severi jekk il-kanċer jinqabad kmieni biżżejjed. Għal xi kanċers, bħall-kanċer ċervikali u kanċer tal-musrana, l-iskrinjar fil-fatt jista’ jipprevjeni l-kanċer milli jiżviluppa.
Fl-Unjoni Ewropea, l-iskrinjar huwa rakkomandat għall-kanċer tal-musrana, tas-sider, u ċervikali meta jkun offrut bħala parti minn programm organizzat b’riżorsi adegwati għal kwalità għolja. Bħalissa hemm programmi ta’ skrinjar għall-kanċer tas-sider organizzati f’ħafna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u hemm programmi ta’ skrinjar għall-kanċer tal-musrana u ċervikali disponibbli f’ħafna pajjiżi. Agħfas hawnhekk biex tikseb iktar tagħrif dwar il-programmi organizzati.
Il-linji gwida komprensivi li jkopru l-aspetti kollha tal-iskrinjar għall-kanċer tal-musrana, tas-sider u ċervikali ġew żviluppati minn esperti u ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-Linji Gwida Ewropej jipprovdu prinċipji ta’ gwida u protokolli dettaljati, standards u rakkomandazzjonijiet li, jekk jiġu segwiti, jiżguraw li jiġu pprovduti servizzi ta’ skrinjar ta’ kwalità għolja lill-popolazzjoni. Agħfas hawnhekk biex tikseb iktar tagħrif dwar il-kwalità fl-iskrinjar għall-kanċer.
Jekk tixtieq tagħmel l-iskrinjar għall-kanċer iżda m’intix żgur jekk hemmx programm f’pajjiżek, ikkuntattja lid-dipartiment tas-saħħa.