12-IL MOD BIEX TNAQQAS IR-RISKJU LI JAQBDEK IL-KANĊER
Sustanzi Niġġiesa
Fil-post tax-xogħol, ipproteġi lilek innifsek kontra kimiċi li jistgħu jikkawżaw il-kanċer billi ssegwi l-istruzzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza.
Hemm ħafna eluf ta’ sustanzi magħmulin mill-bniedem jew naturali fl-ambjent, inkluż fil-post tax-xogħol, u wħud minnhom għandhom il-potenzjal li jikkaġunaw il-kanċer. Ħafna minn dawn is-sustanzi huma sustanzi kimiċi.
It-tnaqqis tal-esponiment għal sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer jiddependi minn taħlita ta’ azzjonijiet u politiki mill-gvernijiet sabiex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom minn sustanzi dannużi, u l-azzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-individwi li jsegwu l-pariri. Il-kontroll tas-sustanzi kimiċi li jikkaġunaw il-kanċer misjuba fil-post tax-xogħol, fl-ambjent ġenerali, jew id-dar jeħtieġ iż-żewġ tipi ta’ azzjonijiet. Il-gvernijiet iridu jiddefinixxu l-politiki u jimplimentaw ir-regolamenti (eż. limiti ta’ protezzjoni, żoni ta’ sikurezza, projbizzjonijiet ta’ sustanzi kimiċi) u jissorveljaw il-konformità ma’ dawn ir-regolamenti; manifatturi jew industriji oħrajn iridu jfasslu l-proċessi tagħhom sabiex jikkonformaw mar-regolamenti; u l-impjegaturi jridu jipprovdu miżuri ta’ protezzjoni għall-ħaddiema tagħhom (eż. tagħmir protettiv). Bħala eżempju, id-Direttiva Ewropea 2004/37/KE 4 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji marbutin mal-esponiment għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq ix-xogħol tiddikjara li l-impjegatur għandu jivvaluta b’mod regolari u jieħu ħsieb ir-riskju ta’ esponiment għal karċinoġeni sabiex jipprevjeni l-esponiment tal-ħaddiema; iqiegħed l-informazzjoni dwar in-numru ta’ ħaddiema esposti, miżuri preventivi, eċċ. għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti jekk jintalab hekk; u jgħarraf lill-ħaddiema jekk iseħħu esponimenti anormali.
L-individwi jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal ambjent iktar b’saħħtu, pereżempju billi jgħinu jnaqqsu t-tniġġis tal-arja billi jużaw inqas karozzi. Bħala rakkomandazzjoni għall-individwi ħalli jipprevjenu l-kanċer, huwa essenzjali li jiġu segwiti l-istruzzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.
Punti importanti oħrajn huma: (i) kanċers ta’ oriġini okkupazzjonali jistgħu jiġu prevenuti, u dan juri kemm il-protezzjoni tal-ħaddiema hija essenzjali u trid tintlaqa’ u tintalab mill-forza tax-xogħol; (ii) hemm ħafna regolamenti fis-seħħ li naqqsu l-esponiment għal ħafna sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer, iżda għad hemm lok fejn isir titjib.