“Tal-qamħa sħiħa” hija frażi li tiddeskrivi ċereali li ma tneħħewlhomx il-partijiet ta’ barra tal-qamħa, jew prodott taċ-ċereali li jsir mit-tali qamħiet. Ħafna ċereali (iċ-ċereali jinkludu l-qamħ, ir-ross, ix-xgħir, il-ħafur u ikel relatat) spiss jittieklu wara li jiġu rfinuti bħala parti mill-proċess tal-manifattura, sabiex titneħħielhom il-parti ta’ barra tal-qamħa. Dan jibdel il-proprjetajiet tal-qamħa, inklużi d-densità u t-togħma, u tul l-aħħar seklu dan sar il-mod normali kif insibuhom – dqiq abjad, ħobż abjad, ross abjad, u l-bqija. Iżda l-irfinar tal-qamħa jneħħi wkoll komponenti nutrizzjonali siewja oħrajn – xi nutrijenti u, b’mod partikolari, il-fibra djetetika. Dan ifisser li ikel lamtuż irfinut għandu tendenza li jkollu iktar kaloriji (għal kull piż unitarju), eħfef tieklu malajr jew tiekol wisq minnu, u jista’ jżid il-livelli taz-zokkor fid-demm malajr wisq, u lanqas ma jipprovdi daqstant nutrijenti siewja.
Il-fibra djetetika hija terminu ġenerali li jiddeskrivi l-partijiet tal-ikel mill-pjanti li mhumiex diġeriti għal kollox fil-musrana ż-żgħira u jilħqu l-musrana l-kbira, fejn jiġu fferementati mill-batterji normali li jgħixu hemm. Din il-fermentazzjoni tipproduċi nutrijenti importanti u prodotti oħrajn li jgħinu jżommu l-musrana b’saħħitha. Ikel tal-qamħa sħiħa (kif ukoll żrieragħ bl-imżiewed u ħxejjex u frott) huma sorsi rikki tal-fibra djetetika. Iż-żrieragħ bl-imżiewed (kultant imsejħin legumi) huma ikel bħal piżelli, fażola, ċiċri u għads, u jistgħu jintużaw f’firxa wiesgħa ta’ ikliet differenti.