Il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer jiddeskrivi l-azzjonijiet li tista’ tieħu biex tnaqqas ir-riskju li tiżviluppa l-kanċer. Aktar ma ssegwi r-rakkomandazzjonijiet, aktar tnaqqas ir-riskju li jaqbdek il-kanċer.
Madankollu, mhux kulħadd għandu l-istess opportunitajiet li jnaqqas ir-riskju tiegħu. L-istili ta’ ħajja huma wkoll influwenzati miċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi li fihom in-nies jitwieldu u jgħixu. Dawn iċ-ċirkostanzi jiddependu parzjalment fuq fatturi politiċi, kulturali, u ambjentali li mhumiex direttament taħt il-kontroll tal-individwi.
Il-prevenzjoni tal-kanċer tirnexxi l-aktar meta l-politiki u l-azzjonijiet tal-gvern jiffaċilitaw l-għażliet tajbin għas-saħħa u jipproteġu liċ-ċittadini minn aġenti li jikkawżaw il-kanċer.
Pereżempju, jinħtieġu aktar politiki li jagħmluha aktar diffiċli biex wieħed jixtri u jpejjep it-tabakk, u aktar faċli biex wieħed ikun attiv fiżikament u jkollu dieta tajba għas-saħħa. It-tnaqqis ulterjuri ta’ tniġġis tal-arja jirrikjedi l-infurzar jew it-tisħiħ tar-regolamenti.
Flimkien, l-individwi, il-konsulenti tas-saħħa, is-soċjetajiet kontra l-kanċer u l-komunitajiet iridu jħeġġu u jappoġġjaw politiki u azzjonijiet li jiffaċilitaw l-għażliet tajbin għas-saħħa u joħolqu ambjenti li jgħinu lin-nies biex jevitaw il-kanċer u jgħixu ħajja twila u b’saħħtihom.