Ix-xarbiet zokkrin huma dawk li għandhom ammont sostanzjali ta’ kaloriji miz-zokkor – naturalment, bħal fil-ġuleppi tal-frott jew bħala “smoothies”, jew miżjudin biz-zokkor, bħal f’ħafna “soft drinks” jew xarbiet gassużi. Ma hemm ebda livell speċifiku ta’ zokkor li jiddistingwixxi xarbiet “zokkrin” minn “mhux zokkrin” iżda, bħala gwida, ħafna mix-xarbiet gassużi u ġuleppi tal-frott għandhom madwar 10 grammi zokkor f’kull 100 millilitru prodott – jiġifieri ammont tipiku ta’ 300 millilitru jagħtik 33 gramma zokkor, li huwa ekwivalenti għal madwar 6 kuċċarini u fih madwar 130 kalorija.
Ġisimna jidher li huwa inqas kapaċi jagħraf il-kaloriji mix-xarbiet milli mill-ikel, u b’hekk ġisimna ma jikkumpensax billi jiekol inqas wara li nieħdu l-kaloriji mix-xarbiet.
Xarbiet “diet” jużaw dolċifikanti bi ftit kaloriji, u b’hekk m’għandhomx l-istess kontenut ta’ kaloriji bħax-xarbiet zokkrin, iżda ħafna minnhom huma ferm aċidużi, u dan jikkontribwixxi għat-tħaffir tas-snien. L-ilma hu l-aħjar għażla, u t-te u l-kafè mingħajr zokkrijiet huma għażliet tajbin ukoll (ipprova llimita l-konsum ta’ kafè għal xejn iktar minn erba’ tazzi kuljum). Xi riċerka tissuġġerixxi li ammont moderat ta’ kafè (mhux iktar minn erba’ tazzi kuljum) jista’ jgħin kontra xi problemi tas-saħħa, iżda wisq kafeina mhijiex għażla tajba.