12-IL MOD BIEX TNAQQAS IR-RISKJU LI JAQBDEK IL-KANĊER
Tabakk
Tpejjipx. Tuża l-ebda forma ta’ tabakk.
It-tabakk huwa l-kawża globali ewlenija għal mard u mwiet li jistgħu jiġu evitati.
It-tabakk huwa l-kawża ewlenija tal-kanċer. It-tipjip huwa l-iktar forma ta’ użu mit-tabakk li tagħmel ħsara, tant li jġib miegħu l-ikbar sehem ta’ mard marbut mat-tabakk. It-tipjip tas- sigaretti joqtol iktar minn nofs ta' dawk li jpejpu fit-tul.
Kull sena, l-użu tat-tabakk jikkawża madwar 6 miljun mewta u iktar minn nofs triljun dollaru fi ħsara ekonomika madwar id-dinja. It-tabakk sejjer joqtol sa biljun ruħ dan is-seklu jekk ma tiġix implimentata malajr il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Fl-Ewropa, id-Direttiva riveduta dan l-aħħar dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2014/40/UE) tispeċifika r-regoli li jikkontrollaw il-produzzjoni, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk u prodotti oħrajn relatati, bil-ħsieb li jiġu armonizzati d-differenzi bejn il-pajjiżi fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kontroll tat-tabakk u tiġi salvagwardata s-saħħa pubblika tan-nies.
Fil-Figura 1 tingħata ħarsa ġenerali lejn l-effetti dannużi għas-saħħa li jikkaġuna t-tabakk.
Figura 1: Il-konsegwenzi fuq is-saħħa b’rabta kawżali mal-użu tat-tabakk u l-esponiment għat-tipjip passiv.
Sors: Adattata minn The Health Consequences of Smoking – 50 Years of Progress: A Report of the Surgeon General. Atlanta, GA: Id-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani tal-Istati Uniti tal-Amerika, Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard, Ċentru Nazzjonali għall-Prevenzjoni tal-Mard Kroniku u l-Promozzjoni tas-Saħħa, Uffiċċju dwar it-Tipjip u s-Saħħa, 2014, bil-permess tad-Dipartiment tas-Saħħa u s-Servizzi Umani tal-Istati Uniti tal-Amerika.