Għal ħafna nies, il-maġġoranza tal-melħ fid-dieta ma tiġix mill-melħ li nżidu mal-ikel aħna stess (fit-tisjir jew mal-mejda) iżda minn ikel manifatturat (ipproċessat ħafna). Kultant dan ikun sorprendenti – pereżempju, il-ħobż huwa kontributur importanti għat-teħid ta’ melħ, kif ukoll xi ċereali tal-kolazzjon, ċerti sopop u zlazi fil-laned jew fil-pakketti, u ċertu ikel tat-tnaqqir bħall-krips (“chips”). Ċertu ikel jista’ jkun partikolarment mielaħ, bħal laħam u prodotti tal-ħut affumikati u mnixxfin, u dawn aħjar tevitahom kemm tista’. L-aħjar mod kif tikkontrolla kemm tieħu melħ hu li tkun kapaċi tagħmel l-ikel tiegħek stess minn ingredjenti bażiċi kemm jista’ jkun u ma toqgħodx fuq ikliet imsajrin industrijalment u laħam ipproċessat, kif ukoll li tara t-tikketti fuq l-ikel manifatturat. Dejjem jaqbillek tillimita l-użu tal-melħ matul it-tisjir, u li tevita milli tkompli żżid iktar melħ mal-mejda.
Jaf ikun diffiċli li ssir taf liema ikel għandu ħafna melħ iżda, normalment, it-tikketta tal-ikel turik l-ammont ta’ melħ. Bħala gwida, ikel li fih iktar minn madwar 1.5g melħ/100g (u xarbiet li fihom iktar minn madwar 0.75g/100ml) jitqies li fih ħafna melħ. Huwa rakkomandat li wieħed ma jaqbiżx il-5–6 grammi melħ kuljum, biex inaqqas ir-riskju tal-kanċer gastriku kif ukoll tal-pressjoni għolja tad-demm, attakki tal-qalb u mard tal-qalb. Ċerti eżempji ta’ kontenut tas-sodju f’ikel komuni jidhru fit-Tabella 1.
Tabella 1: Eżempji tal-kontenut ta’melħ ta’ ikel komuni
Ikel |
Dejta minn Franza |
Dejta mir-Renju Unit |
Dejta mill-Italja |
Dejta mill-Olanda |
---|---|---|---|---|
Grammi melħ għal kull 100 gramma jew ml ikel* | ||||
Kubu bouillom (brodu ħafif) |
0.75 |
0.75 |
0.85 |
1 |
Zalza tas-sojja (tradizzjonali, g/100ml) |
12.75 |
15.75 |
12.5 |
12.25 |
Ketchup tat-tadam |
2.75 |
4 |
- |
2.25 |
Flett tal-bejken |
3.25 |
3.75 |
3 |
3.75 |
Ġobon (iebes) |
0.5 |
1 |
1.1 |
1 |
Ġobon (artab) |
1.5 |
1.5 |
1.6 |
2 |
Tnaqqir (krips tal-patata) |
1.5 |
2 |
1.5 |
1.5 |
Tnaqqir (pretzels) |
2.25 |
4.25 |
2.25 |
4.25 |
Ħxejjex ipproċessati (piżelli ħodor, tal-landa) |
0.5 |
0.5 |
0.75 |
0.25 |
Ħut ipproċessat (stikek/fingers) |
1 |
1 |
1.25 |
1 |
Ħobż (kannella, “brown bread”) |
1.75 |
1 |
1.4 |
1.25 |
Cornflakes |
2 |
2.5 |
- |
1.25 |
* dejta miksuba mill-valuri tas-sodju tat-tabelli msemmijin iktar ’il fuq (valuri tas-sodju x 2.5)
- : ma hemm ebda dejta ekwivalenti disponibbli f’dan il-pajjiż
Sors: It-Tabella 1 turi l-kontenut ta’ melħ ikkalkolat mid-dejta dwar il-kontenut ta’ sodju tal-ikel komuni msemmi fit-tabelli uffiċjali dwar il-kompożizzjoni tal-ikel mir-Renju Unit (Database McMcance and Widdowson 2009), l-Italja (Database FCDB for epidemiological studies ISPO 2008), in-Netherlands (Database NEVO table 2014) u Franza (Database ANSES table 2012), adattati minn FoodEXplorer (www.eurofir.org) u CIQUAL 2012 (www.afssa.fr) aċċessati f’Marzu 2015.