Biex iżżomm piż tajjeb għas-saħħa, li tiekol l-ammont xieraq irid ikun parti permanenti mill-istil tal-ħajja tiegħek. In-nies spiss jibdew dieta biex jitilfu l-piż – u spiss jibdew b’suċċess – iżda meta jieqfu mid-dieta, is-soltu jerġgħu jiżdiedu. Id-dieti kollha ta’ telf tal-piż jaħdmu billi jnaqqsu l-ammont ta’ kaloriji. Dik li taħdem għalik sejra tkun dik li tħoss li tista’ żżomm; għaliex pjan ta’ tnaqqis fil-piż (u ż-żamma ta’ dan it-tnaqqis) mhuwiex sempliċi dieta li tista’ tibda u twaqqaf – trid tkun mod kif tiekol u tgħix li żżomm għal dejjem.
L-aħjar li żżomm gruppi ta’ ikel sħaħ (bħall-karboidrati) fid-dieta tiegħek biex tevita dieta mingħajr bilanċ nutrizzjonali b’effetti sekondarji potenzjali fit-tul. Biex tgħin tnaqqas in-numru ta’ kaloriji bla ma jaqbdek il-ġuħ, ipprova kul ħafna ikel mill-pjanti – dawn mhux biss għadhom ħafna nutrijenti importanti u fibra djetetika iżda għandhom tendenza li jkollhom ftit kaloriji. Dejjem jgħin li tevita ikel u xorb li fihom ħafna kaloriji f’ammont żgħir ta’ ikel jew f’porzjon żgħir – hekk ukoll li tevita xarbiet zokkrin. Dan jinkludi wkoll xarbiet alkoħoliċi (ta’ kull xorta), peress li l-alkoħol innifsu huwa prodott b’ħafna kaloriji – għandu 7 kaloriji għal kull gramma meta mqabbel ma’ 9 kaloriji għal kull gramma għax-xaħam u 4 kaloriji għal kull gramma għall-karboidrati u l-proteina.
Li tkun fiżikament attiv(a) (dan mhux bilfors ifisser li tmur il-gym; jista’ jkun li timxi iktar minflok ma toqgħod bilqiegħda) huwa parti importanti minn stil tal-ħajja tajjeb għas-saħħa, iżda huwa partikolarment siewi biex ma terġax iżżid dak il-piż li tkun tlift.