Għad li huwa rakkomandat li tillimita ikel u xorb li fih ħafna kaloriji għaliex iżidulek il-probabbiltà li tiżdied fil-piż, hemm ċertu ikel li huwa parti importanti minn dieta tajba għas-saħħa għad li għandu ħafna kaloriji.
Ammont żgħir ta’ tipi partikolari ta’ xaħam fid-dieta tagħna huwa essenzjali għas-saħħa; madankollu, ħafna minna nieklu ħafna iktar xaħam milli neħtieġu, u speċjalment l-inqas tipi ta’ xaħam tajbin għas-saħħa. Hemm ħafna ikel individwali li għandu ftit xaħam jew bla xaħam li għandu togħma tajba. Ċerti żjut użati fit-tisjir u bħala kondiment li għandhom biss ftit xaħmijiet saturati (li jżidu l-kolesterol fid-demm) u ħafna xaħmijiet mhux saturati (li jistgħu jgħinu jbaxxu l-kolesterol fid-demm), huma tipi ta’ xaħam tajbin għas-saħħa. Pereżempju, iż-żejt taż-żebbuġa huwa rikk f’xaħmijiet mono-mhux saturati, u ż-żejt tal-ġirasol u ż-żejt tal-qamħirrun mimli xaħmijiet poli-mhux saturati. L-użu ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn iż-żjut f’ammonti modesti għat-tisjir jew bħala “dressings” huwa tajjeb bħala parti minn dieta tajba għas-saħħa. Illimita l-konsum ta’ ikel moqli.
Ħafna tipi ta’ ġewż, bħal-lewż, il-ġewż tal-Indja, il-ġewż tal-Brażil, il-ġellewż, kif ukoll il-karawett u żerrigħat bħaż-żerriegħa tal-qargħa ħamra, huma rikki wkoll fi żjut tajbin għas-saħħa, u ammont modest (daqs ponn kuljum) huwa parti importanti minn dieta tajba għas-saħħa.