L-iktar messaġġ nutrizzjonali importanti li jgħin jipprevjeni l-kanċer huwa “kul l-ammont it-tajjeb ta’ ikel biex tevita milli tiżdied fil-piż”. Li tiekol il-bilanċ it-tajjeb ta’ ikel jista’ jgħinek tikseb dan – kul ħafna ikel mill-pjanti li huwa rikk f’fibra djetetika u evita ikel li huwa dens fl-enerġija, jiġifieri ikel b’ħafna kaloriji f’porzjoni żgħira b’ħafna xaħam tal-annimali u ikel zokkri (l-hekk imsejħin “fast foods”, ikel ferm ipproċessat jew ħafna ikel tat-tnaqqir) u xorb zokkri. Hemm evidenza dejjem ikbar li ikel li fih iktar ω3 aċidi xaħmin poli-mhux saturati (kontenut għoli f’ħut xaħmi) u l-evitar ta’ xorb zokkri fid-dieta jista’ jkun ta’ benefiċċju f’termini tar-riskju tal-kanċer, għad li għad ma hemmx biżżejjed evidenza fuq xiex tista’ tiġi bbażata rakkomandazzjoni soda.
Huwa rakkomandat li tiekol ħafna ikel li ġej mill-pjanti (ħaxix u frott, żrieragħ bl-imżiewed, u ċereali tal-qamħa sħiħa, li huma rikki f’firxa ta’ nutrijenti u fibra djetetika) sabiex ikollok probabbiltà inqas li tiżviluppa kanċers tas-sistema diġestiva. Huwa rakkomandat li jittiekel inqas laħam aħmar u, b’mod partikolari, laħam ipproċessat u inqas melħ, u ikel mielaħ jew bil-melħ, sabiex tevita kanċers tal-musrana u tal-istonku, rispettivament. Anki x-xorb alkoħoliku huwa kawża ta’ bosta kanċers.