Dwar il-kodiċi
Il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer huwa inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex tinforma lin-nies dwar l-azzjonijiet li jistgħu jieħdu għalihom infushom jew għall-familji tagħhom biex inaqqsu r-riskju tal-kanċer. Ir-raba' edizzjoni attwali tikkonsisti fi 12-il rakkomandazzjoni li ħafna min-nies jistgħu jsegwu mingħajr bżonn ta' għarfien jew pariri partikolari. Aktar ma n-nies isegwu r-rakkomandazzjonijiet, inqas ikollhom riskju li jaqbadhom il-kanċer. Ġie stmat li kważi nofs l-imwiet kollha minħabba l-kanċer fl-Ewropa jistgħu jiġu evitati jekk kulħadd isegwi r-rakkomandazzjonijiet.
Ir-raba' edizzjoni tal-Kodiċi hija ppubblikata fuq din il-websajt, flimkien ma’ Mistoqsijiet u Tweġibiet li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar kull rakkomandazzjoni u l-aspetti relatati mal-prevenzjoni tal-kanċer. Dawn jispjegaw ir-riskju tal-kanċer indirizzat minn kull waħda mir-rakkomandazzjonijiet, u jagħtu aktar dettalji dwar kif in-nies jistgħu jipproteġu lilhom infushom u lill-familji tagħhom.
L-ewwel edizzjoni tal-Kodiċi ġiet ippubblikata fl-1987. Ir-raba' edizzjoni tħejjiet fl-2012–2013 mill-ispeċjalisti fil-qasam tal-kanċer, mix-xjentisti, u minn esperti oħra minn madwar l-Unjoni Ewropea fi proġett ikkoordinat mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, b’appoġġ finanzjarju mill-Programm tas-Saħħa tal-UE. Fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, l-esperti qiesu l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli. L-esperti kollha li kkontribwew għar-raba' edizzjoni ntalbu jaħdmu b’mod indipendenti, u jkunu ggwidati biss mill-opinjonijiet esperti tagħhom, mhux mill-pożizzjoni ta’ xi organizzazzjoni jew istituzzjoni. L-esperti ntalbu wkoll jiddikjaraw kull interess reali jew ipperċepit b'rabta mas-suġġett.
L-esperti kkontribwew fuq perjodu ta’ sentejn għal sforz kollaborattiv multidixxiplinarju li matulu nġabret u ġiet analizzata l-evidenza fi gruppi ta' ħidma. Grupp ta' epidemjoloġisti speċjalizzati fl-analiżi sistematika tal-letteratura xjentifika ipprovda appoġġ xjentifiku u tekniku għall-gruppi ta’ ħidma fl-identifikazzjoni u fl-analiżi tal-evidenza rilevanti. Il-ħsieb wara r-rakkomandazzjonijiet fil-Kodiċi u l-evidenza rilevanti huwa spjegat f'artikoli xjentifiċi miktuba mill-gruppi ta’ ħidma.
Il-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ġiet miftiehma mill-gruppi ta’ ħidma b’kollaborazzjoni ma' esperti fir-riċerka u fil-komunikazzjoni u żewġ investigaturi prinċipali tal-proġett, filwaqt li tqis il-fatt li l-popolazzjoni fil-mira hija l-pubbliku ġenerali. Is-sorveljanza xjentifika indipendenti globali, kif ukoll l-approvazzjoni finali tar-rakkomandazzjonijiet, ġiet ipprovduta minn Kumitat Xjentifiku li jikkonsisti f’riċerkaturi superjuri u speċjalisti distinti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kanċer fl-Ewropa. Is-Segretarjat Xjentifiku tal-proġett fl-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tmexxa b’mod konġunt miż-żewġ investigaturi prinċipali.
The September issue of the European Journal of Cancer features an interview of European Code Against Cancer IARC project leaders Drs Lawrence von Karsa and Joachim Schüz. Watch video