Hemm bosta affarijiet li jistgħu jagħmlu dawk li jpejpu biex iżidu l-possibbiltajiet tagħhom li jirnexxilhom jieqfu għal kollox. L-aħjar evidenza turi li dawk li jużaw taħlita ta’ appoġġ farmakoloġiku u komportamentali għandhom erba’ darbiet il-probabilità li jieqfu għal kollox meta mqabblin ma’ dawk li ma jużaw ebda appoġġ. Dawk li jużaw wieħed minn dawn il-metodi biss xorta waħda aktarx li jieqfu għal kollox minn dawk li ma jużaw ebda appoġġ.
L-iktar strateġiji ta’ appoġġ farmakoloġiku effettivi użati spiss jinkludu t-terapija b’sostitut għan-nikotina (NRT), il-bupropjon, il-vareniklina u ċ-ċitisina. Bħalissa, iċ-ċitisina hija disponibbli fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant biss. Hemm iktar dettalji dwar il-possibbiltajiet farmakoloġiċi pprovduti fit-Tabella 3.
L-appoġġ fl-imġiba jinkludi assistenza dwar strateġiji prattiċi fuq kif timmaniġġja l-istress, tkisser id-dipendenza, gwida fuq kif tuża l-NRT, u kif tkampa bil-kilbiet u s-sintomi tal-astinenza, pereżempju. Dan it-tip ta’ appoġġ jista’ jingħata wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi bħat-telefown, is-sistema ta’ messaġġi bit-telefowns ċellulari, jew fuq l-Internet. L-ispiżjara, it-tobba tal-familja jew fornituri oħrajn tal-kura tas-saħħa jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għal dan it-tip ta’ appoġġ.
Azzjoni oħra li ssostni l-astinenza mit-tipjip hija l-implimentazzjoni ta’ dar fejn ħadd ma jista’ jpejjep.