Iva. L-użu tat-tabakk huwa l-kawża ewlenija tal-kanċer – u dan jista’ jiġi evitat. Ma hemm ebda mod sikur kif tuża t-tabakk, u t-tipjip huwa l-iktar mod perikoluż kif tuża t-tabakk peress li l-ikbar riskju ta’ kanċer ġej mill-ħruq tat-tabakk jew it-tipjip tat-tabakk, peress li ħafna mis-sustanzi tossiċi, inklużi sustanzi karċinoġeni, jinħolqu matul il-proċess ta’ ħruq. It-tabakk jikkaġuna tipi differenti ta’ kanċer, speċjalment id-duħħan tiegħu. It-tipjip tat-tabakk jikkaġuna wkoll il-kanċer f’dawk li ma jpejpux li jieħdu d-duħħan tat-tabakk man-nifs mingħand dawk li jpejpu kif ukoll fit-tfal ta’ ġenituri li jpejpu.
Ir-riskju ta’ kanċer tal-pulmun huwa 20-25 darba ogħla fl-irġiel u n-nisa li jpejpu bi tqabbil ma’ dawk li ma jpejpux. Ir-riskju jikber iktar ma jiżdied in-numru ta’ snin ta’ tipjip, in-numru ta’ sigaretti kuljum, u iktar ma tkun għadek żgħir meta tibda tpejjep. Fl-Ewropa, huwa stmat li t-tipjip jikkawża 82% tal-każijiet ta' kanċer tal-pulmun. Il-perċentwal ta’ każijiet ta' kanċer differenti li jistgħu jiġu evitati jekk jiġi evitat it-tipjip jingħata fil-parentesi fil-Figura 2.
Figura 2: Il-każijiet ta' kanċer ikkaġunati mit-tipjip tat-tabakk u, meta jkun indikat mod ieħor, minn forom oħrajn ta’ użu tat-tabakk jew it-teħid man-nifs tat-tipjip passiv. In-numri fil-parentesi jindikaw il-perċentwal ta’ każijiet ta' kanċer ikkaġunati mit-tipjip tat-tabakk, ikkalkolati bl-użu tal-prevalenza tat-tipjip fil-pajjiżi Ewropej.
Sors: © iStockphoto.com (Il-valuri fil-parentesi nkisbu minn studju li sar fl-Ewropa minn Agudo u kollaboraturi oħrajn, skont rapporti li saru fl-2012).
It-tipjip tat-tabakk huwa kawża stabbilita ta’ kull forma ta' kanċer indikata fil-Figura 2. Barra minn hekk, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) ikkonkludiet li hemm evidenza limitata li t-tipjip tat-tabakk iżid ir-riskju tal-kanċer tas-sider (b’10-30%), fuq il-bażi ta’ evidenza konsistenti minn studji li saru fuq il-bniedem. Hemm ukoll evidenza limitata li t-tipjip passiv iżid ir-riskju ta’ kanċer tal-larinġi u l-farinġi. F’dan il-kuntest, “evidenza limitata” tfisser li t-tipjip tat-tabakk jista’ jikkaġuna kanċer tas-sider u li t-teħid man-nifs tat-tipjip passiv jista’ jikkaġuna kanċer tal-larinġi u l-farinġi.