- Djar fejn ħadd ma jista’ jpejjep inaqqsu l-esponiment tal-adulti u t-tfal għat-tipjip passiv.
- Djar fejn ħadd ma jista’ jpejjep jipproteġu lill-adulti u t-tfal li huma partikolarment vulnerabbli għat-tipjip passiv, pereżempju dawk bl-ażma (jew adulti b’mard tal-qalb jew mard kroniku tal-pulmun).
- L-adoloxxenti ta’ ġenituri li ma jpejpux li jgħixu fi djar fejn in-nies jistgħu jpejpu għandhom probabbiltà ikbar li jibdew ipejpu minn dawk li jgħixu fi djar fejn it-tipjip huwa pprojbit.
- Dawk li jpejpu li jgħixu fi djar fejn ħadd ma jista’ jpejjep ipejpu inqas sigaretti kuljum.
- Djar fejn ħadd ma jista’ jpejjep jgħinu lil dawk li jridu jieqfu sabiex jibqgħu astinenti għal żmien itwal.
- Deċiżjoni li dar ħadd ma jista’ jpejjep fiha hija messaġġ ċar li t-tipjip huwa inaċċettabbli.
Dar fejn ħadd ma jista’ jpejjep fl-ebda ħin u fl-ebda ċirkustanza hija iktar effettiva għall-protezzjoni tat-tfal mill-esponiment għal tipjip passiv meta mqabbla ma’ restrizzjonijiet parzjali. Dar li fiha t-tipjip isir ħdejn tieqa, jew fil-bieb, mhijiex dar fejn ħadd ma jista’ jpejjep.
Iktar tnaqqis tal-esponiment għat-tipjip passiv jista’ jinkiseb billi ħadd ma jpejjep fil-karozzi u vetturi privati oħrajn fejn ikun hemm tfal u persuni oħrajn li ma jpejpux. Instabu konċentrazzjonijiet għoljin ta’ duħħan mit-tipjip passiv meta jsir it-tipjip, u l-ftuħ tat-twieqi tal-karozza mhuwiex effettiv sabiex jelimina l-esponiment għat-tipjip passiv. Fl-2014, l-Ingilterra approvat politika li tipprojbixxi t-tipjip f’vetturi privati meta jkun hemm passiġġieri tfal. Din il-liġi sejra tidħol fis-seħħ madwar sena wara. Proġett ta’ politika simili huwa ppjanat fl-Irlanda u huwa mistenni li se jkun hemm pajjiżi oħrajn li jimxu fuq dawn il-passi.