Iva, dan jista’ jnaqqaslek ir-riskju tal-kanċer, iżda kemm tiggwadanja saħħtek jiddependi minn ċirkustanzi oħrajn.
Kemm sejjer jonqos ir-riskju jiddependi minn jekk min ipejjep jikkumpensax għat-tnaqqis fit-teħid ta’ nikotina billi jibdel il-mod kif ipejjep, bħal teħid iktar fil-fond tan-nifsijiet jew żieda fl-ammont ta’ nifsijiet li jieħu. L-użu tat-terapija b’sostitut għan-nikotina (NRT), jew mediċina oħra għad-dipendenza fuq it-tabakk, flimkien ma’ tentattiv sabiex jonqos it-tipjip tas-sigaretti, jista’ jgħin sabiex jiġi evitat tipjip kumpensatorju u huwa iktar probabbli li jwaqqaf it-tipjip għal kollox. L-aħjar ikun li tfassal tir li tieqaf tpejjep għal kollox fi ħdan ċertu żmien, peress li l-waqfien għal kollox mit-tipjip jipprovdilek l-ikbar benefiċċji għas-saħħa. Il-waqfien mit-tipjip fi kwalunkwe età jbaxxi ħafna r-riskju ta’ mewt mill-mard ewlieni kollu marbut mat-tipjip, inkluż il-kanċer, meta mqabbel ma’ dawk li jibqgħu jpejpu.
Ir-riskju tal-kanċer mhuwiex determinat biss minn kemm żmien persuna ilha tpejjep (jiġifieri kemm-il sena), iżda anki mill-intensità tat-tipjip (jiġifieri n-numru ta’ sigaretti kuljum). Huwa mifhum li fid-determinazzjoni tar-riskju tal-kanċer l-influwenza tat-tul taż-żmien tat-tipjip hija ikbar mill-impatt tat-tnaqqis tan-numru ta’ sigaretti kuljum. Il-waqfien mit-tipjip għal kollox huwa l-aħjar ħaġa biex tnaqqas ir-riskju tal-kanċer.