Dawk li jpejpu jinkwetaw fuq iż-żieda fil-piż meta jieqfu jpejpu. Madankollu, il-benefiċċji għas-saħħa mill-waqfien mit-tipjip jisbqu kull żieda fir-riskju dovut għal żieda fil-piż, u l-piż jista’ jiġi kkontrollat fit-tul (ara l-Figura 5 għall-benefiċċji fit-terminu qasir tal-waqfien għal kollox). Ir-riskju tal-mewt minħabba kawżi differenti, inkluż il-kanċer, huwa ogħla f’dawk li jpejpu u li għandhom piż normali minn dawk li għandhom piż eċċessiv u li ma jpejpux. Diffiċli tbassar min sejjer jiżdied fil-piż meta jieqaf mit-tipjip u min le. Dawk li jieqfu għal kollox jistgħu jfittxu li jiksbu pariri mingħand il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa fuq programmi ta’ ikel sensibbli u fuq l-eżerċizzju fiżiku u jaraw li l-piż tagħhom ikun issorveljat matul l-astinenza.
Figura 5: L-effetti ta’ benefiċċju fuq is-saħħa fit-terminu qasir u fit-tul osservati wara l-waqfien mit-tipjip.
Sors: Stampata mill-ġdid bil-premess tal-American Cancer Society, Inc. Id-drittijiet kollha miżmuma. Minn fuq www.cancer.org
Ħafna minn dawk li kienu jpejpu u li waqfu għal kollox sejrin ibatu minn xi effetti fiżiċi u mentali diffiċli, magħrufin bħala l-effetti tal-astinenza, iżda dawn ma jdumux u malajr jgħaddu. L-effetti tal-astinenza jinkludu kilbiet jew aptit ta’ tipjip, dipressjoni, irritabbiltà/aggressjoni, nuqqas ta’ mistrieħ, żieda fl-aptit ta’ ikel, konċentrazzjoni batuta, sturdamenti u disturbi fl-irqad. Dawn mhux dejjem idumu l-istess, iżda ħafna minnhom idumu inqas minn xahar sa tliet xhur. Mhux kulħadd ibati mill-effetti tal-astinenza. L-effetti tal-astinenza jseħħu għaliex dawk li jpejpu jkunu draw id-dożi regolari ta’ nikotina mit-tipjip tagħhom u, meta jieqfu, ġisimhom ikollu jaġġusta għan-nuqqas ta’ nikotina.
Meta wieħed ipejjep sigarett ikun minn għalih li qed iħoss sensazzjoni ta’ mistrieħ iżda, fil-verità, in-nikotina meħuda man-nifs tkun qed ittaffi s-sintomi tal-astinenza mis-sigaretti. Meta dawk li jpejpu ma jkunux pejpu għal ċertu żmien, jibdew iħossu s-sintomi tal-astinenza, bħal irritazzjoni, rabja, ansjetà jew nuqqas ta’ mistrieħ. It-tipjip itaffi dawn is-sintomi tal-astinenza, u dawk li jpejpu jistgħu jattribwixxu din is-senzazzjoni ta’ serħan mill-astinenza bħala rilassament jew sensazzjoni ta’ kalma.
Mediċini għall-waqfien mit-tipjip, bħat-terapija b’sostitut għan-nikotina (NRT), il-vareniklina, jew il-bupropjon, jistgħu jgħinu fir-rigward tal-effetti tal-astinenza, għad li aktarx li mhumiex sejrin jeliminawhom għal kollox. L-appoġġ fl-imġiba jista’ jgħin sabiex dawn jiġu kkontrollati billi jipprovdi strateġiji prattiċi lil min ipejjep.