It-tabakk u d-duħħan tat-tabakk fihom ħafna sustanzi li huwa magħruf li jikkaġunaw il-kanċer (it-terminu li jintuża huwa “karċinoġeni”) skont it-testijiet tal-laboratorju li saru fuq annimali u bnedmin. Ċerti karċinoġeni huma partijiet naturali tal-pjanta tat-tabakk stess, u wħud jifformaw meta jinħaraq it-tabakk jew matul l-ipproċessar, it-tnixxif, il-maturazzjoni, jew il-ħżin, bħall-benżen, il-formaldeid u n-nitrosamini speċifiċi għat-tabakk, fost ħafna oħrajn. In-numru u l-kwantità ta’ karċinoġeni jistgħu jvarjaw fost il-prodotti tat-tabakk, fi ħdan u fost pajjiżi differenti. Ċerti tipi ta’ tabakk li ma jdaħħanx jistgħu jkunu prodotti b’konċentrazzjoni inqas ta’ nitrosamini speċifiċi għat-tabakk – wieħed mill-karċinoġeni ewlenin fil-prodotti tat-tabakk. L-użu ssoktat tat-tabakk u, għaldaqstant, l-esponiment issoktat għas-sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer, jistgħu jwasslu għall-iżvilupp tal-kanċer.
Uħud mis-sustanzi kimiċi li jinsabu fit-tabakk u d-duħħan tat-tabakk ġew ikklassifikati bħala karċinoġeni mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), parti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (Tabella 2). Il-Figura 3 tixħet dawl fuq uħud mill-bosta sustanzi preżenti fid-duħħan tat-tabakk li jikkaġunaw il-kanċer fuq annimali tal-laboratorju u fuq il-bniedem.
Figura 3: Uħud mis-sustanzi fid-duħħan tat-tabakk li jikkaġunaw il-kanċer.
Sors: IARC