Uħud mill-iktar sustanzi kimiċi importanti fl-ambjent tagħna fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea huma s-sustanzi niġġiesa li jikkontaminaw l-arja ta’ barra u ta’ ġewwa, inklużi l-forom kollha ta’ asbestos, benżen, egżost minn magni diżil, u idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs); kontaminanti fl-ilma u fl-ikel bħal arseniku u komposti inorganiċi tal-arseniku; u sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs), bħal diossini. Dan l-aħħar, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) ikklassifikat it-tniġġis tal-arja bħala taħlita ta’ bosta sustanzi niġġiesa li jikkaġunaw il-kanċer.
Hemm għadd ta’ tipi ta’ kanċer li għalihom hemm biżżejjed evidenza li huma kkaġunati minn sustanzi kimiċi li jinsabu fl-ambjent. Kanċers tal-pulmun, tal-borża tal-awrina, u tal-ġilda, kif ukoll mesoteljoma (kanċer taċ-ċelloli tal-mesotelju, ir-rita protettiva li tgħatti s-sider, l-addome, u l-ispazju madwar il-qalb), lewkemiji u linfomi, huma l-iktar tipi importanti (Figura 1).
Figura 1: Il-postijiet ewlenin tal-kanċer marbutin mas-sustanzi kimiċi fl-ambjent.
Sors: © iStockphoto.com.
L-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) tivvaluta b’mod kontinwu l-potenzjal li sustanzi kimiċi u sustanzi oħrajn jikkaġunaw il-kanċer fil-bniedem. Valutazzjonijiet bħal dawn, mill-IARC jew minn awtoritajiet internazzjonali jew nazzjonali oħrajn, normalment ikunu l-ewwel pass sabiex jiġi evitat il-kanċer u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jnaqqsu jew jeliminaw l-esponiment tal-bniedem għal sustanzi magħrufin – jew kultant anki suspettati – li jikkaġunaw il-kanċer.
Esponimenti ambjentali relevanti oħrajn huma tipjip passiv (jew “involontarju”), radon, u radjazzjoni ultravjola (UV) mix-xemx.