L-aħjar approċċ hu li tibqa’ informat(a) billi tikkonsulta sorsi ta’ informazzjoni affidabbli, bħal mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa rispettivi.
Tabilħaqq, hemm eluf ta’ sustanzi kimiċi li nistgħu nkunu esposti għalihom tul ħajjitna. Uħud jistgħu jżidulna r-riskju li niżviluppaw il-kanċer. Xi whud minnhom biss jistgħu jaffettwaw iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea f’livell li jikkaġuna tħassib veru.
Kif nistgħu nkunu nafu liema huma l-esponimenti ta’ tħassib? Pereżempju, kien hemm tħassib fuq l-esponiment għal ftalati li huma preżenti fi prodotti li fihom il-plastik. Il-kwistjoni ngħatat attenzjoni kbira fil-mezzi tax-xandir; madankollu, l-esponimenti għall-ftalati mhumiex rikonoxxuti bħala kawżi tal-kanċer, kif sabet l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) fil-Programm “Monographs”. Barra minn hekk, hemm proċeduri fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jevalwaw sustanzi kimiċi jew sustanzi oħrajn, li jidentifikaw dawk li jikkaġunaw il-kanċer fil-bniedem u dawk li jistgħu jikkaġunaw il-kanċer fil-bniedem, u li jirregolaw il-livelli ta’ esponiment. Sabiex jiġi stabbilit li sustanza tikkaġuna l-kanċer, l-evidenza xjentifika kollha trid tiġi evalwata mill-esperti, u fi studji diretti. L-Unjoni Ewropea ħadet inizjattivi kbar biex tipproteġi saħħet il-bniedem u l-ambjent minn sustanzi identifikati bħala kawżi potenzjali tal-kanċer.