X’jista’ jitqies bħala “doża sikura” huwa kunċett ikkumplikat li jiddependi minn bosta fatturi minbarra l-evidenza xjentifika (it-tossiċità): pereżempju, fatturi ekonomiċi (spiża biex telimina jew tnaqqas l-esponiment), fatturi marbutin mas-saħħa pubblika (piż totali tal-mard fuq komunità), u fatturi soċjali u politiċi (dak li l-pubbliku ġenerali u l-politiċi jqisu bħala aċċettabbli).
B’mod ġenerali, għal sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer ma hemm ebda “doża sikura” stabbilita u hija rakkomandata politika bbażata fuq evitar għal kollox, għal ċerti sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer marbutin max-xogħol bħall-asbestos; madankollu, dan mhuwiex possibbli għal ħafna sustanzi kimiċi ambjentali, bħal ċerti sustanzi li jniġġsu l-arja. Pereżempju, l-Unjoni Ewropea tipprojbixxi kull tip ta’ użu tal-asbestos bħala mod kif telimina l-esponiment. Madankollu, ċerti esponimenti tant huma baxxi li bħalissa s-soċjetà tqishom aċċettabbli: pereżempju, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet żewġ valuri ta’ limitu għall-materja partikulata (PM10), komponent ta’ tniġġis tal-arja: il-valur medju ta’ kuljum tal-PM10 u l-valur medju annwali tal-PM10 (id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja 2008/EC/50).