L-aħjar approċċ huwa li tkun informat billi tikkonsulta sorsi affidabbli ta’ informazzjoni, bħal mingħand awtoritajiet lokali tas-saħħa.
F’ċerti ċirkustanzi, l-esponiment għal firxa ta’ sustanzi, pereżempju sustanzi li jniġġsu l-arja, jista’ jiżdied qrib siti industrijali (eż. inċineraturi, siti fejn jintrema l-iskart, jew imtieħen tal-ipproċessar), u kultant jista’ jiżdied iktar mil-limiti aċċettabbli. Barra minn hekk, spiss ikun hemm tħassib meta l-mezzi tax-xandir jirrapportaw fuq sejbiet ta’ sustanzi kimiċi potenzjalment tossiċi f’ilma, ikel, ħamrija jew arja, l-hekk imsejħa “raggruppamenti tal-kanċer” (okkorrenzi iżolati għoljin tal-kanċer). Madankollu, fl-aħħar snin ftit li xejn kien hemm sitwazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea li fihom l-esponiment għas-sustanzi kimiċi tossiċi kien marbut ma’ żieda korrispondenti fl-okkorrenza tal-kanċer. Minkejja dan, għandu jsir kull sforz sabiex jiġu minimizzati u kkontrollati l-esponimenti għall-popolazzjoni ġenerali mis-siti li jniġġsu.
It-tniġġis tal-arja jista’ jkun għoli wkoll f’żoni ta’ traffiku intens. Biex jonqos l-esponiment għat-tniġġis tal-arja, hemm bżonn li tittieħed azzjoni konġunta bejn is-soċjetà u l-gvernijiet. Filwaqt li r-regolamentazzjoni trid tiġi deċiża, stabbilita u ssorveljata mill-gvern u jrid jiġi pprovdut għal alternattivi għall-użu tal-karozzi privati, kull individwu jista’ jagħti sehmu billi juża alternattivi tat-trasport pubbliku, “car sharing” jew billi juża r-rota ħalli jikkontribwixxi għal inqas traffiku.