Normalment, iva, għaliex is-sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer fuq il-post tax-xogħol huma perikli evitabbli u, għalhekk, l-aħjar forma ta’ prevenzjoni hija li tevita l-użu jew il-ġenerazzjoni ta’ dawn is-sustanzi fuq il-post tax-xogħol, pereżempju billi jintużaw teknoloġiji jew sustanzi alternattivi. Dan it-tip ta’ intervent spiss jeħtieġ li l-awtoritajiet jimplimentaw kontroll regolatorju. Illum, fl-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi kollha għandhom leġiżlazzjoni għal sustanzi perikolużi li timponi obbligi fuq l-impjegaturi u l-impjegati – jiġifieri, hija r-responsabbiltà tal-ħaddiem li jirrispetta r-regoli dwar is-sikurezza fuq xogħlu. B’hekk, l-esponiment għal ħafna sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer tnaqqas fil-postijiet tax-xogħol.

Mela allura għaliex “normalment, iva” biss?

Il-leġiżlazzjoni waħedha mhijiex biżżejjed; il-miżuri ta’ protezzjoni jridu jiġu applikati u l-ħaddiema jridu jirrispettaw l-istruzzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza. Għalhekk, hemm bżonn ta’ sorveljanza kontinwa tal-konformità mal-linji gwida ta’ protezzjoni. Il-monitoraġġ fuq il-post tax-xogħol jiżgura li l-esponiment għal sustanzi li jikkaġunaw il-kanċer bit-teħid man-nifs ta’ sustanzi fl-arja, jew b’kuntatt mal-ġilda jew inġestjoni, jitnaqqas kemm jista’ jkun. Il-miżuri essenzjali (ara l-Figura 3) li normalment isiru minn iġenist okkupazzjonali huma:

  • li jispezzjona l-proċessi li fihom jintużaw jew jistgħu jiġu ġġenerati s-sustanzi,
  • li jiżgura li jiġu segwiti l-proċeduri operazzjonali sikuri,
  • li jkejjel il-livelli fl-arja,
  • li jara li l-apparat personali protettiv huwa adattat (eż. ingwanti, gogils, ilbies protettiv, eċċ.), u li jintuża kif suppost u jinsab f’kundizzjoni xierqa,
  • li jara li jkun hemm iġjene personali tajba,
  • fejn hemm bżonn, li jkejjel l-esponiment tal-ħaddiema għal sustanzi kimiċi (bijomonitoraġġ) u jniedi u jżomm il-proċessi xierqa ta’ reġistrazzjoni, notifika u reviżjoni.

Figura 3: Il-ġerarkija tradizzjonali tal-prattiki ta’ kontroll tal-esponiment.

exposure-control-patrices

Sors: Riprodotta bil-permess mingħand in-National Institute of Occupational Safety and Health/Centers for Disease Control and Prevention “Control Banding Safety and Health” Web Topic Page, www.cdc.gov/niosh/topics/ctrlbanding/default.html.