Għal ħafna mis-sustanzi kimiċi li jikkaġunaw il-kanċer fl-ambjent, l-iktar miżuri effettivi huma regolamenti u azzjonijiet fil-livell tal-komunità immirati sabiex inaqqsu jew jeliminaw dawn is-sustanzi, minflok azzjonijiet personali. Madankollu, importanti li tkun taf għal xiex qed tiġi espost, sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet informati dwar saħħtek. Dawn huma xi eżempji ta’ interventi personali:
- Tista’ tagħmel l-ambjent tad-dar u dak ta’ madwarek ħieles minn kull tipjip billi ma tħallix lil ħaddieħor ipejjep ġewwa jew ġo vetturi.
- Kun af x’inhuma s-sustanzi kimiċi fil-prodotti li tixtri għal użu privat; aqra l-istruzzjonijiet dwar l-użu sikur u xieraq, jekk disponibbli, u segwi dak li jgħidulek bir-reqqa.
- Jekk għandek asbestos x’jitneħħa, m’għandekx tagħmel dan int stess; qabbad lil kuntrattur professjonist, u ma tistax tarmi ebda skart mit-tneħħija tal-asbestos fl-ambjent.
- Illimita l-użu ta’ sustanzi kimiċi għal kmamar b’ventilazzjoni tajba, jew użahom barra.
- Tista’ tnaqqas it-tniġġis tal-arja fuq ġewwa billi tiżgura li jkun hemm ventilazzjoni tajba. Uża apparati domestiċi effiċjenti fl-enerġija (tisħin, tkessiħ, eċċ.), u evita ħruq fil-beraħ ta’ materja organika bħal injam jew skart mill-bitħa/ġnien, biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja.
- Azzjonijiet individwali (bħal-limitazzjoni tal-użu ta’ karozzi u ż-żamma kif xieraq ta’ dawn, jew l-użu ta’ rota jew trasport pubbliku) jistgħu jikkontribwixxu sabiex inaqqsu t-tniġġis tal-arja.
- Tista’ tikkontribwixxi sabiex tnaqqas il-kontaminazzjoni ta’ ilma tajjeb għax-xorb u tal-ħamrija billi tarmi kif xieraq is-sustanzi kimiċi tad-dar (eż. pestiċidi, żebagħt), jew prodotti farmaċewtiċi, u billi tnaqqas l-iskart.
- Tista’ tikkontribwixxi wkoll għal ambjent iktar b’saħħtu billi tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, li jista’ jirriżulta f’azzjonijiet meħudin mill-pubbliku ġenerali jew mill-komunità.