F’termini ġenerali, iva. Fl-Unjoni Ewropea saru interventi kbar sabiex jiġu kkontrollati sustanzi kimiċi li jikkaġunaw il-kanċer fl-ambjent. Pereżempju, il-livelli ta’ diossini naqsu b’mod kostanti fl-ambjent, inkluż fl-ikel u, konsegwentement, fil-bniedem. L-użu tal-forom kollha ta’ asbestos ġie pprojbit fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (id-Direttiva 1999/77/KE tipprojbixxi t-tipi kollha ta’ użu tal-asbestos mill-1 ta’ Jannar 2005, u d-Direttiva 2003/18/KE tipprojbixxi l-estrazzjoni tal-asbestos u l-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti tal-asbestos).
Madankollu, mhux l-esponimenti kollha huma kkontrollati b’mod ottimali fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-livelli ta’ tniġġis tal-arja fl-ibliet ewlenin Ewropej huma ferm inqas illum il-ġurnata meta mqabblin mas-snin sittin jew sebgħin, qed jiġu analizzati limiti ta’ protezzjoni saħansitra iktar stretti. Qegħdin jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, bħal nanopartikuli maħdumin bl-inġinerija; madankollu, anki meta l-użu ta’ teknoloġiji ġodda jkun irregolat fuq il-bażi tal-għarfien disponibbli, il-profil ta’ riskju tal-kanċer tagħhom xorta waħda għad irid jiġi studjat. Barra minn hekk, kundizzjonijiet soċjetali ġodda jistgħu jinfluwenzaw esponimenti li qabel kienu kkontrollati aħjar. Fl-aħħar, evidenza xjentifika ġdida tista’ turi li l-esponimenti li qabel konna nqisu li huma sikuri jistgħu jikkaġunaw il-kanċer. Ġew implimentati ħafna miżuri ta’ kontroll u regolamenti, iżda l-ħin kollu rridu nibqgħu nirrevedu u nadattaw il-ħin kollu l-evidenza u r-rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, il-konformità mar-regolamenti trid tiġi ssorveljata l-ħin kollu. Pereżempju, l-esponiment għall-asbestos matul l-attivitajiet ta’ tneħħija, tiġrif, servizzjar u manutenzjoni għadu problema f’ċerti pajjiżi.