Id-dehra klinika tal-kanċers okkupazzjonali normalment ma tkunx differenti minn dik ta’ kanċers ikkaġunati minn esponimenti oħra. Fil-fatt, normalment ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti l-kawżi (jew kawża) speċifiċi ta’ kanċer individwali. It-trattament mediku huwa l-istess għall-kanċers kollha tal-istess tip.

Madankollu, ċerti kanċers għandhom oriġini predominanti mix-xogħol. Pereżempju, il-mesoteljoma (kanċer taċ-ċelloli tal-mesotelju, ir-rita protettiva li tiksi s-sider, l-addome u l-ispazju madwar qalbek) hija fil-parti l-kbira kkaġunata mill-asbestos. Għal tipi oħrajn ta’ kanċer, b’mod partikolari kanċer tal-pulmun, il-manifestazzjoni preċedenti jew simultanja ta’ mard relatat bħal silikożi bħala riżultat tat-teħid man-nifs tas-silika kristallina, jew l-asbestożi (fibrożi tal-pulmun) wara t-teħid man-nifs tal-asbestos, tindika li kanċer huwa dovut għal esponimenti mgħoddija għas-silika jew l-asbestos, rispettivament.

Fl-Unjoni Ewropea, kanċers ikkaġunati minn esponimenti fuq ix-xogħol jistgħu jwasslu għal kumpens. Meta tissuspetta kawża okkupazzjonali tal-kanċer tiegħek, informa lit-tabib tiegħek biex jagħmillek evalwazzjoni medika ta’ din il-possibbiltà u, fejn xieraq, jgħinek tapplika għal kumpens, diment li t-tabib tiegħek jikkonferma l-evidenza medika billi jsegwi l-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.