Biex ma titlax fil-piż, trid iżżomm dieta tajba għas-saħħa, u huwa partikolarment siewi li tagħmel attività fiżika kemm tiflaħ. Iżda dawn l-affarijiet sejrin iseħħu biss jekk int tiddeċiedi hekk – għalhekk huwa rakkomandat li tieħu azzjoni pożittiva. Għat-telf tal-piż, huwa rakkomandat li tnaqqas it-teħid ta’ enerġija (kaloriji) tiegħek u żżid l-attività fiżika tiegħek. Programm kombinat ta’ dieta tajba għas-saħħa kif ukoll iktar attività fiżika jipprovdi iktar telf tal-piż fit-tul meta mqabbel ma’ programm ta’ dieta tajba għas-saħħa biss jew iktar attività fiżika biss. Staqsi lit-tabib tiegħek għal programm adegwat ta’ dieta tajba għas-saħħa kif ukoll iktar attività fiżika, u fittex l-appoġġ tal-familja u l-ħbieb tiegħek. Ħafna nies jibdew dieti speċjali għat-telf tal-piż għal perjodu ta’ żmien, spiss b’ċertu suċċess, iżda jerġgħu jiksbu l-piż malli jieqfu mid-dieta. Importanti li titlef il-piż, iżda daqstant ieħor huwa importanti li ma terġax ittella’ dak li tlift. Dan ifisser li kwalunkwe bidla fid-drawwiet tal-istil tal-ħajja tiegħek – ikel, xorb u attività fiżika – trid issir parti permanenti ta’ ħajtek, mhux biss għal ftit ġimgħat jew xhur fuq reġimen temporanju.

Ċerti nies isibu li t-tipjip jgħinnhom jikkontrollaw il-piż, jew jibżgħu li jekk jieqfu jistgħu jiżdiedu fil-piż. Għad li dan jista’ jseħħ, li tkun taf bil-problema jista’ jgħin sabiex iż-żieda fil-piż issir inqas probabbli peress li żżomm drawwa tajba għas-saħħa msemmija iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, il-benefiċċji għas-saħħa mill-waqfien mit-tipjip jisbqu bil-kbir l-iżvantaġġi li ġġib magħha żieda ta’ kilo jew tnejn.