Iva. Hu u jiżdied l-ammont ta’ xaħam fil-ġisem, hekk ukoll tiżdied il-probabbiltà li jiżviluppaw ċerti kanċers – dawk tal-musrana (il-kolon u r-rektum), il-kliewi, il-kanal tal-ikel (l-esofagu), il-pankreas, u l-marrara, u barra minn hekk fin-nisa, dawk tas-sider (f’nisa postmenopawżali), tal-utru (l-endometriju) u tal-ovarji.

Xaħam eċċessiv fil-ġisem iżid ir-riskju ta’ kanċer l-iktar billi jikkaġuna infjammazzjoni u livelli ikbar ta’ għadd ta’ ormoni u fatturi tat-tkabbir li, min-naħa tagħhom, jippromwovu t-tkabbir ta’ ċelloli tal-kanċer.

Għad li r-riskju huwa ogħla f’nies obeżi (eż. ir-riskju tal-kanċer kolorettali jiżdied bi 15% f’nies b’piż eċċessiv u bi 32% f’nies obeżi, b’indiċi tal-massa tal-ġisem [BMI] ta’ iktar minn 30 kg/m2), ir-riskju jiżdied b’mod konsistenti mal-ammont ta’ xaħam li jkollhom in-nies. Għalhekk huwa rakkomandat li wieħed jimmira għall-parti l-iktar baxxa tal-medda tajba għas-saħħa kemm jista' jkun. Ovvjament dan sejjer ivarja għal nies differenti, skont il-binja tagħhom – u persuna rqiqa tista’ timmira lejn il-parti inferjuri tal-medda, u persuna iktar mimlija tista’ timmira lejn il-parti medja jew superjuri tal-medda.

Ċerti nies partikolarment muskolari, anki jekk ma jkollhomx xaħam eċċessiv f’ġisimhom, jistgħu jsibu li għandhom BMI li jaqa’ fil-kategoriji ta’ “piż eċċessiv” jew anki “obeżità”. Madankollu, il-maġġor parti assoluta tan-nies f’dawn il-kategoriji jkollhom xaħam eċċessiv f’ġisimhom.