Spiss nużaw il-kliem “piż eċċessiv” jew “obeżità” biex niddeskrivu meta l-ġisem ikun akkumula wisq xaħam. Ix-xaħam huwa parti normali tal-ġisem, jipprovdi iżolazzjoni u jipproteġi xi organi interni, u jipproduċi xi ormoni importanti. Persuni b’saħħithom normali jkollhom madwar 1/4 sa 1/6 tal-piż tagħhom xaħam (in-nisa normalment ikollhom iktar mill-irġiel, proporzjonalment), iżda iktar ma jkollhom 'il fuq minn hekk, iktar jistgħu jinqalgħu problemi tas-saħħa.
Persuna b’BMI ta’ bejn 25 u 30 kg/m2 titqies li għandha “piż eċċessiv”, u persuna b’BMI ta’ iktar minn 30 kg/m2 titqies “obeża”. Il-probabbiltà ta’ problemi għas-saħħa marbutin mal-piż tiżdied kemm 'l isfel mill-medda tajba għas-saħħa kif ukoll 'il fuq, iżda ma hemm ebda punt ċert li fih “riskju baxx” isir “riskju għoli” – hija żieda gradwali fir-riskju hu u jiżdied il-piż. Persuni b’wisq xaħam għandhom tendenza li jkollhom livelli ogħla ta’ xaħam fid-demm (kolesterol u trigliċeridi) u pressjoni ogħla tad-demm, xi ħaġa li żżid il-probabbiltà ta’ mard tal-qalb. Wisq xaħam fil-ġisem jista’ jagħmel il-ġisem inqas risponsiv għall-insulina tal-ormoni, u b’hekk id-dijabete jsir iktar probabbli, u fl-istess ħin iżid ċerti ormoni li jżidu l-probabbiltà li ċ-ċelloli jinqasmu u jikbru, xi ħaġa li żżid il-probabbiltà tal-kanċers. Peress li l-BMI ma jistax jagħmel distinzjoni bejn il-piż mix-xaħam u l-piż mill-muskoli, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-BMI jaf ma jkunx indikatur preċiż ħafna tax-xaħam totali fil-ġisem, speċjalment għal nies b’ħafna muskoli, bħall-atleti, jew nies b’ammonti inqas min-normal ta’ muskoli, bħall-anzjani.
Iżda jkun xi jkun il-BMI tiegħek, iktar ma jkun kbir qaddek (iċ-ċirkonferenza tal-qadd), iktar sejra tiżdied il-probabbiltà li tiżviluppa problema tas-saħħa marbuta mal-obeżità.