Għaliex għandi nieħu azzjoni biex nevita milli niżdied fil-piż?
Kulħadd għandu jara li ma jiżdiedx fil-piż hu u jikber. Peress li kulma hemm bżonn hu li nieklu mqarr ftit biss iżżejjed tul bosta snin biex niżdiedu ħafna fil-piż, huwa kemxejn faċli li jiġrilna hekk bla ma nintebħu. U peress li ħafna minna ma jkollhomx ħafna attività fiżika x’jagħmlu bħala parti mill-ħajja ta’ kuljum (fuq ix-xogħol jew id-dar, jew matul vjaġġi) u peress li hemm ħafna ikel b’livell għoli ta’ kaloriji – speċjalment “fast food” ipproċessat ħafna u xorb zokkri – li malajr issibu aċċessibbli, fil-fatt jiġri ta’ spiss li n-nies jiżdiedu fil-piż matul il-ħajja adulta tagħhom. Bħala medja, in-nies jiżdiedu b’madwar 400 gramma fis-sena – jiġifieri 4 kilogrammi f’10 snin u 6 kilogrammi fi 15-il sena. Din hija r-raġuni għaliex huwa rakkomandat li tagħmel xi ħaġa pożittiva biex tikkontrolla l-piż tiegħek – jekk ma tagħtix kas, huwa ferm probabbli li żżid fil-piż gradwalment bla ma taf.