Piż tajjeb għas-saħħa huwa piż li bih ikollok l-inqas probabbiltà li tiżviluppa l-bosta kundizzjonijiet li wisq xaħam jista’ jikkaġuna – speċjalment ċerti kanċers, iżda anki mard tal-qalb u dijabete, fost l-oħrajn. Li tkun irqiq jew oħxon wisq jista’ jkunlek ta’ ħsara għal saħħtek, u b’hekk għandek timmira li tkun fil-medda ta’ piż tajjeb għas-saħħa. Diffiċli tiddefinixxi għal kull persuna waħedha x’inhu l-piż “ideali” preċiż peress li dan ikun jeħtieġ għarfien dwar l-ammont ta’ tessut dgħif (fil-parti l-kbira muskoli) li għandek – xi ħaġa li tista’ ssir biss f’laboratorju ta’ riċerka. B’hekk, l-esperti żviluppaw il-medda tajba għas-saħħa li tagħti l-flessibbiltà li tingħata kunsiderazzjoni lil dan. Peress li n-nies jitqalu iktar ma’ jinġema’ xaħam, nistgħu niksbu gwida fuq kemm persuna hija ħoxna billi nkejlu l-piż. Peress li persuni twal għandhom tendenza li jkunu itqal anki jekk ma jkunux ħoxnin, irridu naġġustaw il-piż għat-tul (għal dawk b’moħħ matematiku, huwa l-piż f’kilogrammi diviż bit-tul f’metri, kwadru – dan jissejjaħ l-indiċi tal-massa tal-ġisem, jew il-BMI, imkejjel f’kg/m2). Jekk tiżen kif suppost meta mqabbel mat-tul tiegħek, tista’ tqis li għandek piż tajjeb għas-saħħa, sakemm ma tkunx partikolarment twil, qasir jew muskoluż. Uża l-karta biex tara jekk għandekx piż tajjeb għas-saħħa (Figura 1).
Figura 1: Kalkolatur tal-indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI).
Sors: Riprodott mill-World Cancer Research Fund/American Institute for Cancer Research (2007). Food, Nutrition, Physical Activity and the Prevention of Cancer: A Global Perspective. Washington, DC: American Institute for Cancer Research.
Il-medda ta’ BMI tajjeb għas-saħħa għall-adulti hija ta’ 18.5–25 kg/m2. Jekk ġej minn grupp etniku tan-Nofsinhar tal-Asja, il-medda ta’ BMI rakkomandata titla’ biss sa 23 kg/m2 għaliex id-distribuzzjoni tax-xaħam tvarja bejn il-gruppi etniċi. F’xi każijiet speċifiċi, il-BMI jaf ma jkunx indikatur preċiż ħafna tax-xaħam kumplessiv fil-ġisem, speċjalment għal nies b’ħafna muskoli, bħall-atleti, jew nies b’ammonti inqas min-normal ta’ muskoli, bħall-anzjani.
Il-kejl tal-qadd huwa għodda utli oħra li tagħtik idea ta’ jekk xi ħadd għandux riskju ikbar ta’ problemi għas-saħħa minħabba wisq xaħam. Kejl tal-qadd (ċirkonferenza tal-qadd) ta’ iktar minn 102 cm f’raġel jew 88 cm f’mara jindika riskju għoli, kejl tal-qadd ta’ inqas minn 94 cm f’raġel jew 80 cm f’mara jindika riskju baxx, u kejl bejniethom jindika riskju intermedju.
Għall-prevenzjoni tal-kanċer, peress li r-riskju tal-kanċer jiżdied b’konsistenza mal-ammont ta’ xaħam li jkollha persuna, huwa rakkomandat li wieħed jimmira lejn il-parti inferjuri tal-medda tal-BMI tajba għas-saħħa (jew taċ-ċirkonferenza tal-qadd) kemm jista’ jkun. Ovvjament dan sejjer ivarja għal nies differenti, skont il-binja tagħhom – u persuna rqiqa tista’ timmira għall-parti inferjuri tal-medda, u persuna iktar mimlija tista’ timmira għall-parti medja jew superjuri tal-medda.