Il-vitamina D hija importanti iżda, ġeneralment, ftit ħin imqatta’ barra jkun biżżejjed biex tevita defiċjenzi. Jekk inti persuna b’saħħtek li spiss tkun fuq barra, il-produzzjoni ta’ vitamina D tiegħek tkun biżżejjed u b’hekk ma jkollokx għalxiex tinkwieta wisq biex tevita x-xemx.
Il-vitamina D hija prodotta fil-ġilda meta tkun esposta għad-dawl tax-xemx, u hija importanti biex iżżomm l-għadam u s-snien b’saħħithom. Jista’ jkollha bosta effetti favorevoli oħrajn fuq is-saħħa (eż. ittejjeb is-saħħa kardjovaskulari, tnaqqas il-pressjoni tad-demm, u tnaqqas ir-riskju tiegħek ta’ bosta tipi tal-kanċer).
Il-vitamina D hija prodotta malajr ħafna fil-ġilda malli din tkun espost(a) għax-xemx; m’għandekx bżonn tfittex li tkun espost(a) iktar għax-xemx biex iżżomm il-livelli tal-vitamina D tiegħek. Pereżempju, li toqgħod barra kuljum f’nofsinhar għal madwar 10-15-il minuta fir-rebbiegħa u s-sajf (b’wiċċek, dirgħajk, riġlejk mhux protetti) normalment ikun biżżejjed biex tipproduċi biżżejjed vitamina D.
Li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet sabiex tevita xemx eċċessiva u ma tużax “sunbeds” jipproteġik minn ħsara żejda lill-ġilda tiegħek iżda ma jirriżultax f’nuqqas ta’ vitamina D. Fix-xitwa jew f’latitudnijiet għoljin, jaf ikollok ittawwal il-ħin tiegħek barra (iżda ara l-indiċi UV, anki fix-xitwa) jew tagħżel dieta b’iktar vitamina D (eż. żejt tal-fwied tal-ħuta, iktar ħut (xaħmi), abjad tal-bajd, ġewwieni bħall-fwied). L-użu ta’ “sunbeds” biex iżżid il-livell tal-vitamina D tiegħek mhux neċessarju u huwa ferm skoraġġut minħabba r-riskju ikbar assoċjat tal-kanċer tal-ġilda.
Jekk għad għandek tħassib fuq defiċjenza possibbli fil-vitamina D, kellem lit-tabib tiegħek għal pariri.
Jekk qed tbati minn defiċjenza fil-vitamina D, staqsi lit-tabib tiegħek biex jagħtik pariri (eż. għal supplimenti tal-vitamina D jew trattamenti oħrajn).