Kull esponiment għax-xemx jikkaġuna xi ħsara lill-ġilda. Normalment, il-ġisem tiegħek kapaċi jsewwi l-ħsara. Madankollu, jekk il-ħsara tkun serja, dan isir dejjem iktar diffiċli.
Diffiċli tagħti definizzjoni preċiża ta’ “wisq xemx” għaliex dan jiddependi mill-karatteristiċi personali tiegħek bħat-tip ta’ ġilda, il-qawwa tax-xemx, u fejn tinsab (l-indiċi tal-ultravjola; UVI). L-ammont ta’ ħsara tiżdied iktar ma ddum espost għax-xemx, u l-ħsara tkun iktar intensa jekk l-esponiment iseħħ meta x-xemx tkun qawwija ħafna, bħal madwar nofsinhar, matul l-iktar perjodu jaħraq tal-ġurnata (eż. bejn il-11:00 u t-15:00) u fix-xhur tas-sajf. Pereżempju, f’UVI ta’ 6, li faċilment jintlaħaq f’nofsinhar fir-rebbiegħa u s-sajf, persuna bit-tip 1 jew 2 tal-ġilda tinħaraq mix-xemx fi żmien 10–15-il minuta.
Jekk toħroġ fix-xemx, għandek tara li tipproteġi l-iktar partijiet esposti spiss ta’ ġismek, bħal wiċċek, l-għonq, u l-idejn. Jekk tinħaraq bix-xemx, żgur li kont espost(a) għal iktar mill-ħin meqjus sikur. Madankollu, anki qabel ma tinħaraq mix-xemx, jaf diġà kont ġejt espost iż-żejjed. Ħruq spiss mix-xemx, speċjalment matul it-tfulija u l-adoloxxenza, huwa marbut ma’ żieda ċara fir-riskju ta’ żvilupp ta’ kanċer tal-ġilda iktar tard fil-ħajja. Iżda l-esponimenti kollha għar-radjazzjoni ultravjola (UV), f’kull età, iżidulek ir-riskju ta’ kanċer tal-ġilda.