L-ammont ta’ radjazzjoni ultravjola (UV) mix-xemx li jasal fis-superfiċje tad-dinja, u b’hekk anki l-indiċi tal-UV, jiddependi minn bosta fatturi, bl-iktar tnejn importanti minnhom li huma l-ħin tal-ġurnata u l-istaġun.
Ir-radjazzjoni UV normalment tkun l-iktar qawwija għal ftit sigħat madwar nofsinhar u inqas b’saħħitha filgħodu kmieni u tard waranofsinhar/filgħaxija (ara l-Figura 1).
Figura 1. Il-profil tax-xemx ta’ kuljum.
Sors: Ħajr lil Ameco Solar minn solarexpert.com.
Fis-sajf, madwar 20–30% tal-ammont totali fil-ġurnata ta’ radjazzjoni UV jasal bejn il-11:00 u s-13:00, u 75% bejn id-09:00 u t-15:00 (ħin tax-xemx, mhux ħin lokali). Il-varjazzjonijiet staġonali fir-radjazzjoni UV li jaslu fis-superfiċje tad-dinja huma sostanzjali fir-reġjuni bi klima moderata iżda ferm inqas qrib l-ekwatur.
Fatturi importanti oħrajn li jinfluwenzaw is-saħħa tar-radjazzjoni UV fuq wiċċ id-dinja huma:
- Il-latitudni ġeografika (id-dożi annwali ta’ UV jonqsu iktar ma tiżdied id-distanza mill-ekwatur).
- L-altitudni (b’mod ġenerali, kull żieda ta’ 300 metru fl-altitudni żżid l-effettività tal-ħruq tad-dawl tax-xemx b’madwar 4%).
- Ir-riflessjoni tas-superfiċje (eż. borra, ilma) (il-borra tirrifletti sa 85% tal-UV, u l-ilma madwar 5–10%; il-UV riflessa tista’ tagħmel ħsara lill-ġilda daqs UV diretta).
- Sħab (l-ammont li bih ir-radjazzjoni UV li tilaq is-superfiċje tad-Dinja jitnaqqas bis-sħab jiddependi mill-ħxuna, id-densità u l-forma tas-sħab).
- It-tniġġis tal-arja (bħas-sħab, smog urban mit-tniġġis tal-arja jimmodifika l-ammont ta’ radjazzjoni UV li tilħaq is-superfiċje tad-dinja).