Li toqgħod barra huwa pjaċir u tajjeb għas-saħħa; l-arja friska u l-eżerċizzju fiżiku jagħmlulek il-ġid. Madankollu, meta tkun barra tesponi l-ġilda tiegħek għal radjazzjoni ultravjola (UV). Għalhekk, importanti li tipproteġi l-ġilda tiegħek matul l-attivitajiet kollha fuq barra (sports, tieħu ħsieb il-ġnien, fuq ir-rota, mixi, tixxemmex, għawm u l-bqija).
L-aħjar mod kif tipproteġi l-ġilda tiegħek hija li tevita dawl qawwi u dirett tax-xemx, speċjalment fix-xhur sajfin u bejn il-11:00 u t-15:00. L-aħjar mod kif tipproteġi lilek innifsek huwa li tibqa’ fid-dell. Jekk tmur fix-xemx, l-aħjar protezzjoni hija li tilbes ilbies mhux issikkat bi kmiem twal u kappell kbir. L-aħjar protezzjoni mid-dawl tax-xemx jipprovduhielek ħwejjeġ magħmulin minn drapp bla toqob. In-nuċċalijiet tax-xemx bi protezzjoni kontra l-UV jieħdu ħsieb għajnejn kontra l-effetti dannużi tad-dawl tax-xemx.
Il-kremi kontra x-xemx mhumiex magħmulin biex iżidulek il-ħin li tista’ tqatta’ fix-xemx iżda biex jipproteġuk minn esponiment dirett għax-xemx meta ma tkunx tista’ tiġi evitata. In-nies spiss jużaw inqas krema kontra x-xemx minn dak li hemm bżonn biex tipprovdilhom protezzjoni tajba, u ma jerġgħux japplikaw il-krema malajr kemm hemm bżonn, u b’hekk jonqos il-fattur ta’ protezzjoni indikat fuq il-pakkett. Ittawwalx il-ħin li tqatta’ fix-xemx għaliex tħossok protett(a) mill-krema kontra x-xemx, peress li dan itellef kwalunkwe protezzjoni li tkun inkisbet kontra l-kanċer tal-ġilda.
Ġeneralment huwa rakkomandat li tuża krema kontra x-xemx b’fattur ta’ protezzjoni mix-xemx (SPF) ta’ tal-inqas 15 għal attivitajiet ta’ kuljum u tuża SPF ta’ 30 jew iktar matul il-vanganzi tas-sajf. Il-kremi kontra x-xemx jipproteġu bl-iktar mod effettiv jekk jiġu applikati b’saff oħxon 15–30 minuta qabel tmur fix-xemx, u mbagħad jerġgħu jiġu applikati wara 30–60 minuta. Ara li l-ġilda kollha tiegħek hija mgħottija bih (pereżempju, tinsiex widnejk!). Peress li s-sustanzi kimiċi li jipproteġu mill-ħruq tax-xemx jistgħu jiġu inattivati mid-dawl tax-xemx u jsiru inqas effettivi mal-ħin, jew peress li l-kremi jinqalgħu minn mal-ġilda minħabba l-ħwejjeġ, xugamani jew għaraq, importanti li terġa’ tapplika l-krema kull sagħtejn, jekk tibqa’ fix-xemx għal perjodi twal, pereżempju għall-mistrieħ jew fuq btala. Il-krema kontra x-xemx għandha terġa’ tiġi applikata wara li joħroġlok l-għaraq jew wara għawma, anki meta tuża krema reżistenti għall-ilma. Qis ukoll id-data ta’ skadenza tal-krema kontra x-xemx, peress li din issir inqas effettiva wara ċertu żmien.