Ir-radjazzjoni mix-xemx fiha radjazzjoni ultravjola (UV) inviżibbli. Ir-radjazzjoni UV tikkaġuna ħsara lill-ġilda li, fit-tul, tista’ twassal għal kanċers tal-ġilda. Il-kanċer tal-ġilda huwa l-iktar kanċer spiss madwar id-dinja, l-iktar f’popolazzjonijiet b’ġilda ċara, u l-okkorrenza tiegħu żdiedet b’mod drammatiku tul l-aħħar ftit deċennji. Wieħed jassumi li ż-żieda hija primarjament dovuta għal tendenzi ta’ lbies ta’ ħwejjeġ iktar imqaċċtin, bidla fl-istili ta’ ħajja iktar favur attivitajiet fuq barra, u drawwa ta’ tfittix tax-xemx u x-xewqa ta’ ġilda samra, inkluż l-użu ta’ sorsi artifiċjali tal-UV bħas-sunbeds.
Hemm tipi differenti ta’ kanċer tal-ġilda. Il-melanoma (l-hekk imsejjaħ “kanċer tal-ġilda sewda”) toriġina minn ċelloli li jipproduċu l-pigment, u għad li hija l-inqas tip komuni, huwa l-iktar tip ta' kanċer aggressiv, bi pronjożi diffiċli jekk jinqabad tard. Hemm żewġ tipi ewlenin ta’ kanċer tal-ġilda mhux melanoma: karċinoma taċ-ċellola bażali (BCC) u karċinoma taċ-ċellola spinoċellolari (SCC) (“kanċer tal-ġilda bajda”). Il-BCC hija l-iktar kanċer frekwenti f’popolazzjonijiet b’ġilda ċara madwar id-dinja. Il-BCC rari ħafna li tinfirex (metastasi) iżda tista’ sseħħ f’partijiet tal-ġisem esposti, bħall-wiċċ. L-SCC hija inqas komuni iżda tista’ tkun fatali jekk il-kanċer jilħaq jinfirex qabel ma jinqabad.
L-esponiment għar-radjazzjoni UV jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-ġilda tiegħek, u l-iktar effetti li jidhru malajr huma ġilda samra jew maħruqa.