Is-“sunbeds” huma magni mfasslin sabiex jeħilsu radjazzjoni ultravjola (UV). Ir-radjazzjoni ultravjola għandha l-istess effetti dannużi fuq il-ġilda tiegħek bħad-dawl tax-xemx naturali u, peress li hija esponiment mhux neċessarju, għandha tiġi evitata dejjem. Li tismar fuq “sunbed” ma jipprovdix bażi aħjar sabiex tkompli tismar iktar tard fis-sajf, u ma jeżistix mod kif tismar b’mod sikur. L-użu ta’ “sunbeds” biex iżżid il-livell ta’ vitamina D mhuwiex neċessarju u ferm skoraġġut. Bl-istess tip ta’ radjazzjoni UV tismar iżda fl-istess ħin jiżdiedlek ir-riskju tal-kanċer tal-ġilda u jagħmillek il-ħsara fil-ġilda kif ġie spjegat qabel.
Ċerti nies iqisu li l-użu li jagħmlu mis-“sunbeds” jgħinhom sabiex jikkuraw id-dipressjoni tax-xitwa, iżda dan jista’ jsir b’mod iktar sikur billi jintużaw lampi b’dawl viżibbli b’saħħtu li ma jeħilsux radjazzjoni UV. Nies li jeħtieġu trattament mediku bil-UV għal xi marda għandhom jiġu kkurati taħt superviżjoni medika mill-qrib, pereżempju f’kuntesti kliniċi. Kultant is-“sunbeds” jiġu rreklamati li jikkuraw firxa ta’ lmenti u mard (eż. newrodermatite, akne, pressjoni għolja tad-demm) jew li jtejbu r-risponsi immuni. Madankollu, kwalunkwe użu għal raġunijiet mediċi għandu jkun ordnat bir-riċetta u ssorveljat minn tabib.