Il-kampi elettriċi, manjetiċi jew elettromanjetiċi meħlusin minn apparati bħal apparati elettriċi, trażmettituri tax-xandir, linji elettriċi jew wajers elettriċi, telefowns ċellulari, jew mezzi ta' komunikazzjoni oħra bla fili ma għandhomx biżżejjed enerġija biex ikissru r-rabtiet kimiċi; u b’hekk, dawn il-kampi jissejħu “radjazzjoni mhux jonizzanti”.
L-effetti bijoloġiċi magħrufin ta’ dawn il-kampi jistgħu jseħħu f’livelli ferm ogħla ta’ esponiment minn dawk li jseħħu fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum. Dawn jinkludu l-istimolazzjoni tan-nervi u t-tisħin tat-tessuti, iżda t-teknoloġiji jikkonformaw mal-linji gwida ta’ protezzjoni li huma stabbiliti sabiex jevitaw dawn l-effetti fuq is-saħħa. Dawn it-tipi ta’ radjazzjoni mhux jonizzanti mhumiex rikonoxxuti bħala kawżi tal-kanċer.
Madankollu, ċerti teknoloġiji huma relattivament ġodda, jew il-modi li qed jintużaw bihom inbidlu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, ix-xjentisti jieħdu żmien twil biex jiġbru biżżejjed dejta ħalli jeliminaw ir-riskju tal-kanċer għal kollox. Pereżempju, hemm xi mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba fuq l-użu qawwi tat-telefowns ċellulari. Sakemm jinħarġu konklużjonijiet xjentifiċi ċerti, jistgħu jintużaw xi miżuri li faċli ssegwihom biex tnaqqas l-esponiment ta’ kuljum, bħall-użu ta’ sett “hands-free” bil-wajer jew tevita sejħiet twal ħafna fuq it-telefown.