Il-konċentrazzjoni ta’ radon titkejjel bħala l-ammont ta’ radjuattività ta’ radon f’kull metru kubu arja (mogħti bħala becquerel għal kull metru kubu; Bq għal kull m3). Il-gwida internazzjonali tissuġġerixxi li l-livelli ta’ radon għandhom jitnaqqsu jekk ikunu iktar minn 100–300 Bq għal kull m3.
Għad li r-radon huwa preżenti f’ħafna bini, speċjalment fi kmamar li huma livell tal-art u dawk eżatt fuq jew taħt il-livell tal-art, hemm medda ta’ livelli ta’ radon fid-djar f’kull żona, u ħafna minnhom huma baxxi. Uħud jistgħu jkunu għoljin, iżda dan parzjalment jiddependi mill-ġeoloġija lokali.
Pajjiżek jista’ jkollu mapep (spiss issibhom online) li tista’ tuża biex tara jekk id-djar fl-inħawi tiegħek humiex f’riskju ikbar jew inqas li jkollhom livelli għoljin ta’ radon. Jekk darek tinsab f’żona ta’ riskju ikbar ta’ radon, huwa rakkomandat li tittestja darek għal-livelli ta’ radon.
Figura 2: L-immappjar tar-riskju ta’ radon – l-istampa turi t-tqassim tar-riżultati mill-kampanji ta’ kejl ta’ radon madwar l-Ewropa.
Sors: Sors: Riprodotta minn Dubois G (2005). Ħarsa ġenerali lejn l-istħarriġijiet fuq ir-radon fl-Ewropa. EUR 21892 EN, EC. Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. © Il-Komunitajiet Ewropej, 2005.
Sabiex tistabbilixxi l-livell ta’ radon f’dar partikolari, hemm bżonn li tkejjel il-konċentrazzjoni ta’ radon fl-arja ta’ ġewwa. Ir-radon spiss jitkejjel billi jintużaw detetturi żgħar tal-plastik li jitqiegħdu fid-dar għal bosta ġimgħat sabiex titkejjel kif suppost il-konċentrazzjoni medja ta’ radon. Ħafna mill-kejliet ta’ radon jeħtieġu li d-detetturi jitroddu lura f’laboratorju għall-analiżi.
Figura 3: Detettur tar-radon.
Sors: Riprodotta bil-permess ta’ www.ukradon.org/article.php?key=measureradon.