It-tobba li jirreferu lil pazjenti - speċjalment tfal li huma iktar sensittivi għall-effetti tar-radjazzjoni jonizzanti - għal proċeduri dijanjostiċi li jinvolvu radjazzjoni (dijanjożi bir-raġġi-X, scan ta’ tomografija kompjuterizzata (CT), jew scan tal-isotopi), u dawk li jamministraw it-tali proċeduri, ġeneralment ikunu jafu li r-radjazzjoni għandha tintuża bir-reqqa. Normalment, ir-riskji tal-kanċer marbtin ma’ dawn il-proċeduri huma żgħar ħafna, u meta l-proċedura tkun iġġustifikata, il-benefiċċji jisbqu kwalunkwe effett dannuż possibbli għas-saħħa. Madankollu, l-użu ta’ proċeduri ta’ radjazzjoni jonizzanti għandu jkun ristrett għal dijanjożi meta marda tkun suspettata u ma għandux isir għal, pereżempju, “verifiki tas-saħħa” ta’ rutina.
Huwa importanti li dawn il-proċeduri jsiru għall-benefiċċju tal-pazjent, u ċ-ċaħda tal-eżami jista’ jkollha konsegwenzi serji ħafna għas-saħħa jekk, minħabba dan, marda jew korriment ma jiġux dijanjostikati jew id-dijanjożi tiġi ttardjata jew tkun żbaljata. Madankollu, jekk it-tali eżamijiet isiru ta’ spiss, il-pazjenti għandhom iħossuhom liberi li jistaqsu lit-tabib tagħhom sabiex jara li kull eżami huwa medikament iġġustifikat, sabiex jgħinhom jevitaw esponiment żejjed għal raġġi-X jew scans ta’ CT. Kultant ikun hemm alternattivi oħrajn, bħal ultrasonografija jew l-użu ta’ eżami ta’ esponiment inqas għar-radjazzjoni, iżda d-deċiżjoni tat-tobba għandha tiġi fdata rigward x’tip ta’ eżami li jeħtieġ għal dijanjożi xierqa.