Ilkoll aħna esposti għal radjazzjoni jonizzanti b’oriġini naturali kif ukoll magħmula mill-bniedem. Il-livell individwali tiegħek ta’ esponiment għar-radjazzjoni jew doża ta’ radjazzjoni, imkejjel f’millisievert (mSv) fis-sena, jiddependi minn fejn tgħix, x’taħdem, x’tiekol u tixrob, xi proċeduri mediċi għamilt. Huwa stmat li l-persuna medja fl-Ewropa tirċievi 4 mSv ta’ esponiment għar-radjazzjoni fis-sena. Għar-raġunijiet ta’ stil tal-ħajja mogħtijin hawn fuq, ħafna individwi jirċievu esponimenti li huma ferm ogħla jew inqas mill-medja.
Għal ħafna minna, l-ikbar doża ta’ radjazzjoni ġejja mir-radon fid-dar, b’medja ta’ 1–2 mSv fis-sena, iżda din tvarja b’mod konsiderevoli bejn id-djar u l-postijiet. Ħafna sorsi naturali oħrajn, bħal raġġi kożmiċi u livelli baxxi ta’ radjuattività naturali fl-ikel, ma jistgħux jiġu kkontrollati malajr mill-individwu, iżda b’mod ġenerali dawn ma jilħqux livelli importanti (stmati għal inqas minn 0.5 mSv fis-sena).
Fl-Ewropa, l-ikbar sors ta’ esponiment magħmul mill-bniedem għar-radjazzjoni ġej minn proċeduri mediċi, speċjalment dawk użati għad-dijanjożi ta’ problemi tas-saħħa (bħala medja stmati għal madwar 1–2 mSv għal kull ċittadin fis-sena, iżda skont jekk sarulekx eżamijiet, u kemm). L-użu mediku tar-radjazzjoni huwa għad-dijanjożi aħjar (eż. immaġnijiet bir-raġġi X meħudin sabiex jiġu lokalizzati l-marda jew il-korriment għall-għoti tal-kura xierqa) jew għall-kura (kura bir-radjazzjoni għall-kura tal-kanċer), u għalhekk din tiġi applikata għall-benefiċċju tal-pazjent, u l-esponiment għar-radjazzjoni normalment ikun aċċettabbli minħabba l-benefiċċji kbar.
Sorsi oħrajn magħmulin mill-bniedem ta’ esponiment għar-radjazzjoni, bħal ħruġ minimu u inevitabbli ta’ materjal radjuattiv minn impjanti tal-enerġija nukleari fl-operat normali tagħhom, jirriżultaw f’dożi li huma baxxi ħafna meta jitqabblu (ferm inqas minn 0.01 mSv fis-sena anki għal dawk li jgħixu qrib it-tali installazzjonijiet). Ċerti impjegati, inklużi l-ekwipaġġ tal-linji tal-ajru, ħaddiema nukleari u ċerti ħaddiema f’minjieri taħt l-art, jistgħu jirċievu esponimenti ikbar għar-radjazzjoni, fil-medda ta’ 1–10 mSv fis-sena, jekk jaħdmu b’materjali radjuattivi jew f’postijiet b’livelli ogħla ta’ radjazzjoni.
Żewġ inċidenti kbar tal-impjanti tal-enerġija nukleari – f’Chernobyl, l-Ukrajna, fl-1986 u f’Fukushima Daiichi, il-Ġappun, fl-2011 – wasslu għall-ħruġ ta’ ammonti kbar ta’ materjal radjuattiv u kkaġunaw esponiment għar-radjazzjoni għal popolazzjonijiet kbar. Madankollu, l-esponiment minn Chernobyl għall-popolazzjonijiet barra dik li kienet l-Unjoni Sovjetika jammonta għal frazzjoni żgħira ħafna fuq id-doża akkumulata tul il-ħajja, u r-radjazzjoni minn Fukushima kienet negliġibbli fl-Ewropa.