Ir-radjazzjoni hija enerġija fil-forma ta’ mewġ jew partikuli. Ir-radjazzjoni tista’ tinqasam f’żewġ tipi ewlenin: radjazzjoni jonizzanti u mhux jonizzanti. Ir-radjazzjoni li għandha biżżejjed enerġija biex tkisser ir-rabtiet kimiċi u toħloq joni tissejjaħ “radjazzjoni jonizzanti”. Billi tagħmel ħsara lid-DNA ta’ ċellola, tista’ tikkaġuna mutazzjonijiet, li jekk jgħaddu fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta’ ċelloli, finalment jistgħu jwasslu għal kanċer jew effetti dannużi oħrajn fuq is-saħħa. Ir-radjazzjoni jonizzanti tista’ tkun fil-forma ta’ partikuli, bħal newtroni jew partikuli alfa, jew fil-forma ta’ raġġi, bħal raġġi gamma jew raġġi X.
Ilkoll aħna esposti għal ammonti differenti ta’ radjazzjoni jonizzanti minn bosta sorsi, kemm naturali (kożmiċi jew terrestri) kif ukoll magħmulin mill-bniedem (eż. użi mediċi, enerġija nukleari, il-partikuli li jibqgħu fl-arja minn testijiet ta’ armi nukleari bosta snin qabel). Ir-radjazzjoni jonizzanti tintuża għad-dijanjożi u l-kura ta’ mard. L-ammont individwali ta’ esponiment tiegħek għar-radjazzjoni jonizzanti jiddependi minn aspetti differenti tal-ħajja, bħal fejn tgħix, jekk irċivejtx radjazzjoni bħala parti minn proċedura medika, u jekk xogħlok jinvolvix esponiment għar-radjazzjoni; l-esponimenti tipiċi għar-radjazzjoni huma deskritti iktar tard.
Ir-radjazzjoni ottika tinkludi radjazzjoni mid-dawl, infraħamra u ultravjola (UV). Ir-radjazzjoni UV tista’ tagħmel ħsara lil ċelloli ħajjin u tikkaġuna kanċer tal-ġilda.
Ir-radjazzjoni mhux jonizzanti ma fihiex biżżejjed enerġija biex tagħmel ħsara lid-DNA bħar-radjazzjoni jonizzanti, iżda tittrasferixxi l-enerġija fit-tessut jew fil-materjal, pereżempju bit-tisħin. Hekk jaħdmu l-fran microwave. Ir-radjazzjoni mhux jonizzanti hija komposta minn kampi elettriċi u manjetiċi, pereżempju microwaves u mewġ tar-radju, kif ukoll kampi bi frekwenza baxxa minn apparati elettriċi u linji elettriċi.
Figura 1: L-ispettru elettromanjetiku.
Sors: Riprodotta mill-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għar-Riċerka, il-Komunitajiet Ewropej (2005). Health and Electromagnetic Fields: EU-funded research into the impact of electromagnetic fields and mobile telephones on health. © Il-Komunitajiet Ewropej, 2005.