Forsi għal ħafna minna l-iktar ħaġa importanti hija li nqattgħu inqas ħin bilqiegħda b’idna fuq żaqqna – naqqas il-ħin li tqatta’ tara t-televiżjoni, tuża l-kompjuter, u affarijiet simili. Li mqarr toqgħod bilwieqfa jew timxi minflok ma toqgħod bilqiegħda jista’ jagħmillek il-ġid. Pereżempju, jekk tivvjaġġa bit-trasport pubbliku, inżel xi żewġ stazzjonijiet qabel u imxi d-distanza li jifdal. Jekk tivvjaġġa bil-karozza, ipparkja apposta ftit iktar ’il bogħod mill-uffiċċju tiegħek biex iżżid l-ammont li timxi. Kull meta jkun possibbli, ipprova uża t-taraġ minflok l-eskalaturi jew il-liftijiet. Meta tuża t-telefown, oqgħod bilwieqfa minflok ma tpoġġi. Jekk tnaqqas il-ħin li tqatta’ bilqiegħda żżid l-ammont ta’ enerġija li tuża u b’hekk tista’ tgħin tipprevjeni ż-żieda fil-piż maż-żmien. Indirettament, dan sejjer inaqqaslek ir-riskju tal-kanċer.
Hemm għadd ta’ modi kif iddaħħal iktar attività fiżika moderata sa enerġetika fil-ġurnata tiegħek. Ibda billi ssib attivitajiet li vera tħobb tagħmel. Hemm ħafna attivitajiet differenti li jgħoddu, bħall-mixi, iż-żfin jew ir-rota. Ara tippruvax tip ġdid ta’ attività, bħall-iġġoggjar bil-mod jew għawm rikreazzjonali. Tista’ tagħmel l-eżerċizzji mal-ħbieb jew mas-sieħeb/sieħba, għaliex dan jista’ jżommok motivat biex tqum fuq tiegħek u tiċċaqlaq.
Sib attività adattata għalik u agħmilha drawwa.