Ġeneralment, iktar ma tqatta’ ħin fl-attività fiżika, tant aħjar. Agħmel l-attività ħafifa kollha li tiflaħ (bħal toqgħod bilwieqfa, mixi, rota bil-mod, streċjar, titla’ t-taraġ, tagħmel il-faċendi, u tieħu sehem fi sport rikreazzjonali bħal tennis tal-mejda jew golf). Li takkumula anki ammonti żgħar ta’ attività fiżika matul il-ġurnata jagħmillek il-ġid. Illimita wkoll iż-żmien li tqatta’ bilqiegħda, bħal meta tpoġġi jew tara t-televiżjoni. Li tillimita ż-żmien li tqatta’ bilqiegħda jista’ jgħinek tipproteġi saħħtek kontra r-riskju tal-kanċer billi jżommok milli żżid il-piż.
Barra minn hekk, tista’ tistenna benefiċċji importanti għas-saħħa meta tipprova tagħmel tal-inqas 150 minuta attività fiżika b’intensità moderata fil-ġimgħa, jew 75 minuta ta’ attività fiżika ta’ intensità enerġetika fil-ġimgħa, jew taħlita ekwivalenti ta’ attività b’intensità moderata u enerġetika, jekk huwa possibbli. Eżempji ta’ attivitajiet fiżiċi moderati sa enerġetiċi huma l-eżerċizzji ta' reżistenza għall-piż, tipi ta’ attività fiżika marbutin mar-reżistenza (jiġifieri taħriġ f'eżerċizzji), u eżerċizzji ajrobiċi enerġetiċi. Jekk m’intix żgur jekk għandekx tagħmel attività moderata sa enerġetika, staqsi lit-tabib tiegħek. Is-sessjonijiet irrakkomandati ta’ attività fiżika fil-ġimgħa jistgħu jinkisbu billi takkumula sessjonijiet qosra jew billi tagħmel waħda twila.
It-tfal u ż-żgħażagħ għandhom jagħmlu tal-inqas 60 minuta attività fiżika b’intensità moderata sa enerġetika kuljum. Biex jilħqu l-għan ta’ 60 minuta kuljum, jistgħu jagħmlu attivitajiet f’bosta sessjonijiet iqsar mifruxin matul il-ġurnata (eż. 2 sessjonijiet ta’ 30 minuta).