Iva. Apparti l-kanċer, ix-xorb alkoħoliku jista’ jikkaġuna bosta mard ieħor, bħal ċirrożi tal-fwied jew pankreatite. L-alkoħol huwa dannuż f’termini ta’ riskju tal-kanċer fi kwalunkwe livell ta’ konsum. Il-linji gwida internazzjonali stabbilixxiew il-limiti massimi rakkomandati għall-konsum tal-alkoħol: madwar grokk standard wieħed kuljum għan-nisa u żewġ grokkijiet standard kuljum għall-irġiel. Ix-xorb ta’ alkoħol f’ammonti ogħla minn dawn il-limiti rakkomandati jista’ jagħmel ħsara lil kważi kull organu u sistema fil-ġisem.
Ix-xorb ta’ alkoħol f’ammonti ogħla mil-limiti rakkomandati jista’ jwassal għal, fost l-oħrajn: attakk tal-qalb u insuffiċjenza kardijaka; disturbi mentali u komportamentali, inklużi dipressjoni, vjolenza u telf tal-memorja; mard mentali; lewkemija fi tfal ta’ ommijiet li jixorbu matul it-tqala; u l-marda tal-pulmun alkoħoliku. Iktar ma tixrob alkoħol, iktar jikber ir-riskju. Barra minn hekk, ix-xorb ta’ alkoħol huwa perikoluż meta ssuq vettura jew għal attivitajiet ta’ divertiment u/jew okkupazzjonali li jeħtieġu livell għoli ta’ attenzjoni. Irid jiġi evitat matul it-tqala u t-treddigħ, u jista’ jagħmel anki l-ħsara meta tkun qed tieħu ċerti mediċini.
Ix-xarbiet alkoħoliċi spiss ikollhom ħafna kaloriji, u tnaqqis tal-konsum jew – tant aħjar – l-evitar tal-alkoħol għal kollox sejjer jgħinek titlef il-piż jew iżżomm piż tajjeb għas-saħħa, u fl-istess ħin jgħin sabiex ikompli jonqos ir-riskju tal-kanċer. Tista’ tuża “kalkolatur tal-kaloriji fl-alkoħol” biex tara kemm hemm kaloriji f’xarbiet alkoħoliċi differenti.