Is-sejbien tal-kanċer fi stadju bikri mhux dejjem inaqqas ir-riskju tal-mewt ta’ mara minħabba l-kanċer tas-sider. Anki jekk il-mammografija tista’ ssib tumuri malinni li ma jinħassux, it-trattament ta’ tumur żgħir mhux dejjem ifisser li l-mara mhijiex sejra tmut minħabba l-kanċer. Kanċer li jikber malajr jew aggressiv jaf diġà jkun infirex f’partijiet oħrajn tal-ġisem qabel ma jinqabad. L-iskrinjar jaf ma jgħinx sabiex itawwal il-ħajja tal-mara b’tumuri bħal dawn, iżda n-nisa b’tumuri bħal dawn jispiċċaw jgħixu perjodu itwal ta’ żmien bl-għarfien li jista’ jkun li għandhom marda fatali. Barra minn hekk, mammogrammi għall-iskrinjar jaf ma jgħinux itawlu l-ħajja ta’ mara li tbati minn kundizzjonijiet iktar serji oħrajn.
Ir-raġġi-x għandhom il-potenzjal li jikkaġunaw il-kanċer. Il-mammogrammi jeħtieġu dożi żgħar ta’ radjazzjoni, u b’hekk ir-riskju ta’ dannu minn dan l-esponiment għar-radjazzjoni huwa baxx. Il-benefiċċji tal-iskrinjar bil-mammografija fi programmi organizzati jisbqu l-ħsara potenzjali mill-esponiment għar-radjazzjoni.
Ir-riżultati pożittivi foloz iseħħu meta r-radjoloġisti jsibu anormalità mammografika għad li fil-fatt ma jkun hemm ebda kanċer preżenti. Il-mammogrammi anormali kollha għandhom jiġu segwiti b’iktar testijiet (mammografija dijanjostika, ultrasound, u/jew bijopsija) sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx kanċer preżenti. Riżultati tal-mammogram pożittivi foloz jistgħu jwasslu għal ansjetà u forom oħrajn ta’ stress psikoloġiku li normalment ma jdumux wisq. L-ittestjar addizzjonali meħtieġ sabiex tiġi eliminata l-possibbiltà ta’ kanċer jista' jieħu ż-żmien ukoll u jista' jikkaġuna skumdità fiżika. L-istandards tal-kwalità Ewropej huma mfasslin sabiex inaqqsu ż-żmien ta’ stennija u jnaqqsu l-ansjetà assoċjata.
Tul perjodu ta’ 20 sena, madwar mara waħda minn kull ħamsa li jieħdu sehem b’mod regolari fl-iskrinjar tirċievi riżultat pożittiv falz li jista’ jiġi ċċarat mingħajr proċeduri invażivi. Tul l-istess perjodu, madwar mara minn kull 10 tkun teħtieġ proċedura invażiva (l-użu ta’ labra li tieħu kampjuni żgħar ta’ tessut mis-sider) mingħajr operazzjoni, u sa madwar mara waħda minn kull 100 issirilha operazzjoni sabiex jiġi vverifikat ir-riżultat tal-mammografija.
Riskju ieħor huwa li jista’ jinstab kanċer tas-sider matul l-iskrinjar li la int u lanqas it-tabib tiegħek qatt ma kontu ssibu li kieku qatt ma għamilt l-iskrinjar – din tissejjaħ sopradijanjożi. B’xorti ħażina, mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn liema kanċers misjubin fl-iskrinjar huma sopradijanjostikati. Bħala medja 5–10 minn kull 100 kanċer maqbud fl-iskrinjar huma stmati li huma sopradijanjostikati. Ir-riskju huwa iktar baxx għat-tfajliet u ogħla għan-nisa anzjani.