Fl-Unjoni Ewropea, il-kanċer tas-sider huwa l-iktar kanċer komuni u l-iktar kawża komuni ta’ mwiet minħabba l-kanċer fin-nisa, b’madwar 365,000 każ ġdid u 91,000 mewta fis-sena. Il-kanċer tas-sider mhuwiex marda waħda; hemm bosta tipi differenti ta’ kanċer tas-sider. Madwar mara minn kull 10 fl-Unjoni Ewropea tiġi dijanjostikata bil-kanċer tas-sider matul ħajjitha – l-iktar nisa fil-menopawża u ikbar, iżda anki nisa iżgħar jistgħu jiżviluppaw kanċer tas-sider. Il-kanċer tas-sider huwa rari fl-irġiel.
Il-kanċer tas-sider rari jikkaġuna sintomi għajr nefħa jew tħaxxin fit-tessut tas-sider (għad li ħafna min-nefħiet tas-sider mhumiex kanċerużi). Jekk il-kanċer tas-sider jinqabad kmieni, jista’ jitfejjaq bit-trattament qabel ma jinfirex f’partijiet oħrajn tal-ġisem. Nisa ta’ kull età li jinnotaw nefħa f’sidirhom għandhom jikkonsultaw lit-tabib tagħhom jew lill-fornitur tal-kura tas-saħħa.
Il-possibbiltajiet ta’ soppravvivenza wara dijanjożi ta’ kanċer tas-sider jiddependu ħafna fuq it-tip ta’ kanċer u kemm ikun avvanzat meta jinstab. Hemm probabbiltà tajba ta’ trattament b’suċċess jekk il-kanċer jinqabad minn kmieni. L-iskrinjar għall-kanċer tas-sider jista’ jaqbad il-kanċer minn kmieni u b’hekk iżid il-probabbiltà ta’ sopravvivenza. Fl-Unjoni Ewropea, mara waħda biss minn kull 4 bil-kanċer tas-sider tmut minħabba l-marda. L-istudji juru li n-nisa bil-kanċers tas-sider li jinqabdu fl-iskrinjar għandhom riskju inqas li jmutu minħabba l-kanċer tas-sider. Il-parteċipazzjoni regolari fl-iskrinjar tista’ tevita madwar 4 minn kull 10 imwiet minħabba kanċer tas-sider f’każijiet li jinqabdu bl-iskrinjar. Il-possibbiltajiet ta’ sopravvivenza dejjem qegħdin jitjiebu minħabba għarfien li qed jiżdied u trattament aħjar.