Jaf tibda titħasseb ħafna meta jiġik riżultat anormali tal-mammografija; madankollu, ħafna mill-anormalitajiet fuq mammogram mhumiex kanċer tas-sider. Sejrin joffrulek iktar testijiet, li normalment jinkludu mammografija addizzjonali u “ultrasound” tas-sider.
Wara eżami ulterjuri, jinstab li ħafna mill-anormalitajiet dubjużi huma tessut normali tas-sider jew tessut benin (mhux kanċeruż). Madankollu, jekk eżamijiet addizzjonali jsibu bidla ġdida u suspettuża f’sidrek, aktarx li jittieħdu kampjuni żgħar ta’ tessut tas-sider b’labra (bl-użu ta’ anestetiku lokali, jekk ikun hemm bżonn). Dawn il-kampjuni b’bijopsija jiġu eżaminati taħt mikroskopju, u jekk jinstab kanċer, jirreferuk għal sptar għal kirurġija tas-sider. Ħafna mill-kanċers li jinqabdu fl-iskrinjar jistgħu jiġu ttrattati bla ma titneħħa parti sħiħa minn sidrek billi jitneħħa biss il-kanċer u ftit mit-tessut tal-madwar.
Il-proċeduri ta’ garanzija tal-kwalità fi programmi organizzati ta’ skrinjar għandhom l-għan li jżommu n-numru ta’ iktar eżamijiet għall-minimu meħtieġ sabiex jiġi evitat milli ma jinstabux kanċers tas-sider.